Malti qed ikun akkużat bi stupru wara li allegatament abbuża sesswalment minn mara li għamel ħbieb magħha f’post tad-divertiment f’Birżebbuġa fis-sigħat bikrin tas-Sibt li għadda.
Ir-raġel qed ikun akkużat li kkawżalha ġrieħi ħfief u kif ukoll li wettaq atti indeċenti u mmorali f’post pubbliku.
Fil-Qorti ntqal kif ir-raġel li għandu 46 sena u hu residenti Birżebbuga, kien ilu lejl sħieħ barra meta mara barranija, iżda li tgħix fl-istess lokalità, ingħaqdet miegħu f’post tad-divertiment.
Meta tard filgħaxija l-mara kienet taħt l-influenza tal-alkoħol, ir-raġel offrielha li jwassalha d-dar. Iżda ġara li r-raġel minflok qabad u ħadha d-dar mal-ewwel ħa t-triq bid-dawra, waqqaf il-karozza f’parkeġġ u għamel sigħat jabbuża minnha sesswalment, tant li dam sal-11:00 ta’ filgħodu.
Meta l-mara ġiet f’sensiha ppruvat taħrab mill-aggressur sakemm fl-aħħar ħarġet mill-karozza, ġriet f’nofs tat-triq u daħlet fi stabbilment viċin biex tistaħba.
Il-Pulizija qalet li fil-post fejn seħħ l-allegat stupru sabet evidenza li taqbel mal-verżjoni tal-mara.
Filwaqt li l-akkużat wieġeb mhux ħati, ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest mill-avukati tal-agressur.