Maltempata kbira ħakmet il-gżejjer Maltin u f’Għawdex ħames bugħaddasa kellhom jiġu salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Għalkemm l-ewwel maltempata mill-bidu tal-ħarifa ma ħallietx traġedji, Irlandiż ġie salvat permezz ta’ helicopter tal-forzi armati ta’ Malta.
Erba’ bugħaddasa oħra ġew salvati mill-patrol boat Melita 2 wara li sabu ruħhom f’diffikultà viċin Wied il-Għasri.
Dawn il-persuni ttieħdu fl-isptar ġenerali t’Għawdex għal aktar osservazzjoni.
Intant madwar il-pajjiż inġema t-traffiku, f’postijiet bħal Gżira u l-Imsida kienu fost l-aktar li ntlaqtu mill-maltemp li kien ilu imbassar għal dawn l-aħħar jiem.
Bosta toroq kienu mgħarrqa u s-sewwieqa kienu mwissija jsuqu b’attenzjoni minħabba l-ilma li kien qed jinġema’ fit-toroq.
Sadanittant bosta titjiriet li kellhom jitilqu minn Malta ġew posposti minħabba nuqqas ta’ sigurtà.
Numru ta’ titjiriet li kellhom jinżlu f’Malta niżlu f’Katanja.
Dan anki fid-dawl tas-sajjetti u l-beraq li laqtu lil pajjiżna bla waqfien.