Minn xemx tizreġ li sbaħna fiha l-Ħadd filgħodu, għal xita qliel li ħakmet in-naħa ta’ fuq ta’ Malta. Il-gzira Għawdxija kienet fost l-aktar li intlaqtet minn din il-maltemp.
Għaxart ijiem qabel tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Santa Marija, partijiet mill-gzejjer Maltin intlaqtu minn maltempata li s-soltu nistennewha aktar viċin il-ħmistax ta’ Awissu – magħrufin aħjar bħala l-għerejjex ta’ Santa Marija.
Minkejja li illum kienet imbassra x-xita, xorta kienu dawk li rħewlha lejn il-baħar. Filfatt, persuni li kienu qegħdin jgħumu l-Għadira, spiċċaw jiġru f’paniku malli ħafna xita bdiet nieżla u kaxkret magħha umbrellel u sunbeds li kien hemm fil-bajja.
Oħrajn kienu f’nofs ta’ baħar fuq dgħajsa, meta infetħu bibien is-sema.
One News żar il-lokalitajiet tal-Belt Valletta u Ħal Lija. Żewġ lokalitajiet li bejn illum u għada qegħdin jiċċelebraw il-festa ta’ San Duminku u s-Salvatur rispettivament.
Minkejja li l-Belt ma nizzlitx xita, l-organizatturi tal-festa għattew l-armar tal-festa b’boroż tal-plastik bħala prevenzjoni.
Lanqas f’Ħal Lija ma niżlet qatra xita, bl-organizatturi dehru jarmaw in-nar l-art għall-ispettaklu f’lejliet il-festa tas-Salvatur. Dwar dan tkellimna ma Saviour Mangion li jaħdem in-nar.
U filwaqt li x-xita li għamlet niezla għal ftit ħin setgħet telfet ftit pjanijiet, oħrajn ħaduha b’mod leġġer. Filmat li deher fuq is-sit soċjali ra persuni bil-lilo u dinghy fit-toroq tal-Mellieħa fix-xita.