Ikkonfermata mewt ta’ raġel ta’ 67 sena li għereq f’Castronovo di Sicilia (fil-provinċja ta’ Palermo) wara li l-ilmijiet kaxkru lilu u l-karozza tiegħu.
Jidher li minkejja li rnexxielu joħroġ mill-vettura, xorta waħda nġarr mill-ilmijiet, u tilef ħajtu. Ir-raġel kien fil-karozza ma’ tliet persuni oħra, li b’xorti tajba irnexxielhom isalvaw.
Xita qliel, rwiefen u għarar għall-aħħar sigħat laqtu l-provinċji Sqallin ta’ Agrigento, Messina, Trapani, Palermo u Catania. Sa mill-Ħadd filgħaxija il-pumpiera intervjenew f’diversi każi fejn sewwieqa spiċċaw maqbudin fil-karozzi tagħhom f’diversi bliet minħabba l-ilmijiet kbar fit-toroq.
Minħabba dan il-maltemp, numru ta’ skejjel iddeċidew li llum jibqgħu magħluqin. Il-midja Taljana tikkonferma wkoll maltemp f’partijiet oħra tal-Italja, fosthom Sardinja u l-Marche.