Matul dawn l-aħħar sigħat, partijiet mir-Renju Unit u l-Istati Uniti intlaqtu minn maltemp qawwi bis-silġ u l-borra u li wasslet biex bosta toroq jingħalqu, u ħalliet anke numru ta’ residenzi bla dawl.
It-twissija ta’ dan it-temp qalil jinsab fl-eqqel tiegħu fir-Renju Unit, hekk kif hemm tbassir li ġejjin tlett ijiem ta’ temp kiesaħ ħafna li saħanistra se jara anke djar bla dawl, karozzi maqbudin fit-toroq, u interruzzjonijiet fil-mezzi tat-trasport tal-ajru u tal-ferrovija.
Sadanittant, fl-Istati Uniti, miljuni ta’ Amerikani qed jippreparaw għall-agħar maltempata tas-silġ u l-aktar temperaturi kesħin li qatt esperjenzaw f’dan l-aħħar diċenju.
Fl-istati ta’ Kentucky u Virginia, u oħrajn li mhumiex midħla ta’ temperaturi hekk kesħin, inkluż Mississippi u Florida, ġie iddikjarat stat t’emerġenza minħabba l-maltemp li mistenni jagħmel.
Fiċ-ċentru tal-Istati Uniti, hu mistenni li r-rutina normali tiġi mfixkla u li s-sewqan tal-vetturi se jkun perikoluż jew impossibbli.