Is-sehem ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista fl-allegat abbuż minn benefiċju soċjali marbut mad-diżabbiltà spiċċa fuq l-aġenda tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li ltaqa’ fl-aħħar jiem.
Żvelat dan il-maltatoday u saħansitra kkonferma magħha uffiċjalment id-deputat nazzjonalista Ivan Bartolo.
L-allegat abbuż mill-benefiċji soċjali nqabad wara rapport mill-uffiċċju tal-Prim Ministru wara li feġġ każ suspettuż. Is-sistemi tal-Ministeru għall-politika soċjali wkoll kienu importanti biex jiġu identifikati ċerti abbużi.
Bl-investigazzjonijiet ilhom għaddejin għal kważi sentejn, fl-aħħar xhur jidher li dawn intensifikaw. Skont il-maltatoday il-Partit Nazzjonalista kellu tagħrif dwar dawn l-iżviluppi għall-bosta ġimgħat iżda baqa’ fommu sieket.
Dan għaliex hemm deputati tal-Partit Nazzjonalista li kienu huma stess li rreferew nies għand min qed fiċ-ċentru tal-investigazzjoni. Jingħad li filwaqt li referenza ma tfissirx li wieħed talab li ssir xi ħaġa llegali, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino kellu informazzjoni li deputati tal-PN setgħu kienu identifikati għall-investigazzjonijiet tal-Pulizija. U kien għalhekk li l-Partit Nazzjonalista baqa’ kawt.
Jidher li dan kollu sploda f’laqgħa tal-grupp parlamentari. Bernard Grech talab id-deputati biex ikunu iktar voċiferi u hawn ġie ffaċjat minn Ivan Bartolo. Bartolo qal lill-grupp li hu kien ilu li nforma lill-partit b’ċertu informazzjoni iżda ma sar xejn. Minn dak irrapportat jirriżulta li din kienet deċiżjoni strateġika minħabba l-biża’ tal-involviment ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista fejn fil-kurituri tal-istamperija qed jisemmew ċertu ismijiet b’persistenza.
Jidher li ċerti deputati kkonfrontaw lil Bernard Grech dwar għaliex baqa’ fommu sieket u hu ddefenda ruħu billi qal ma kellux provi fuqiex jitkellem.
Ftit tal-ġimgħat ilu kienet id-deputat Paula Mifsud Bonnici li meta mistoqsija mill-media m’eskluditx l-involviment ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista.
Grech beda jitkellem dwar is-suġġett wara li ħareġ l-artiklu fil-gazzetta, liema artiklu rrefera għall-investigazzjonijiet tal-pulizija. U wara li dan kollu l-Kap tal-Oppożizzjoni fetaħ attakk aħrax fuq il-Prim Ministru u l-Partit Laburista, anke jekk kien l-uffiċċju tal-Prim Ministru li rrapporta l-ewwel każ ta’ allegat abbuż u kif żviluppaw l-investigazzjonijiet ħa minnufih ukoll id-deċiżjonijiet politiċi. Iżda, strateġikament din kienet l-iktar deċiżjoni li setgħet tagħmel sens biex jagħti l-impressjoni li m’għandux x’jaħbi. Meta fil-fatt jinsab imwerwer minn dak li jista joħroġ.