Fil-5 ta’ Settembru MaltaPost se toħroġ bolla f’miniature sheet kif ukoll timbru speċjali biex tfakkar il-25 anniversarju mill-mewt ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta.
Madre Tereża, kif kienet aħjar magħrufa kienet soru Albaniża-Indjana ta’ reliġjon Kattolika Rumana li qattgħet ħafna minn ħajjitha fl-Indja. Ta’ 18-il sena telqet mid-dar biex tingħaqad mas-Sorijiet ta’ Loreto f’Loreto Abbey f’Rathfarnham, l-Irlanda, biex titgħallem l-Ingliż. Hija kellha l-intenzjoni li ssir missjunarja u l-Ingliż kien il-lingwa ta’ istruzzjoni tas-Sorijiet ta’ Loreto fl-Indja.
Fl-1979 hija rċeviet il-Premju Nobel għall-Paċi. Madre Tereża mietet f’Settembru tal-1997 bi problemi f’qalbha u fl-2016 ġiet ikkanonizzata mill-Papa Franġisku fi Pjazza San Pietru, fil-Belt tal-Vatikan. Hija tibqa’ waħda mill-personalitajiet l-aktar ammirati tas-seklu 20.
Il-bolla fil-miniature sheet hija ta’ daqs 31mm x 44mm, b’perforazzjoni ta’ 13.9 x 14.0 u għandha watermark bis-salib ta’ Malta. Il-miniature sheet hija ta’ daqs 120 mm x 80 mm u ġiet pprintjata minn Printex Limited bi proċess offset. Il-ħarġa tikkonsisti fi 30,000 miniature sheet tal- €3.00.
Din il-ħarġa filatelika se tkun għall-bejgħ mill-Fergħat Postali f’ Malta u Għawdex minn nhar it-Tnejn 5 ta’ Settembru 2022. Ordnijiet jistgħu jsiru online fuq www.maltaphilately.com jew bil-posta mill-Philatelic Bureau, MaltaPost.