MPC tfisser My Peak Challenge – bil-Malti “L-Ogħla Sfida Tiegħi”. Din l-inizjattiva kienet imwaqqfa fl-2015 mill-attur prinċipali tas-serje televiżiva popolari Outlander, Sam Heughan. Dan huwa attur Skoċċiż bi mħabba kbira għan-natura u t-taħriġ fiżiku. Hu xtaq li jispira lin-nies li jsegwuh biex b’xi mod jagħmlu l-ewwel pass biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom filwaqt li jgħinu lil ħaddieħor.
U hekk twieldet My Peak Challenge. L-ewwel sena kienet pjuttost informali, iżda minn sena wara bdew jiżdiedu sew il-membri, biex illum in-numru jlaħħaq ’il fuq minn għaxart elef membru minn madwar id-dinja kollha.
Tista’ tiddeskriviha bħala għaqda ta’ nies li jixtiequ jsiru verżjoni aħjar tagħhom infushom permezz ta’ sfidi li jagħmlu lilhom infushom. L-isfidi jvarjaw minn individwu għal ieħor: tista’ tkun sfida fiżika – tiġri maratona, titla’ muntanja, tonqos fil-piż, titla’ taraġ mingħajr ma taqta’ nifsek – jew kwalunkwe ħaġa oħra – taqbad l-arti, issegwi kors l-Università, issib il-kuraġġ biex tbiddel ix-xogħol. Kull min jissieħeb fil-grupp ikollu aċċess għal programm ta’ taħriġ fiżiku u nutrizzjoni, kif ukoll aċċess għal grupp esklussiv fuq Facebook li jservi ta’ sostenn, ispirazzjoni u inkoraġġiment.
Importanti li wieħed isemmi li nofs il-miżata li titħallas biex wieħed jissieħeb tmur għal Bloodwise – istituzzjoni li tispeċjalizza fir-riċerka għall-kanċer tad-demm (www.bloodwise.org.uk) – u Marie Curie (www.mariecurie.org.uk).
Anneliza Grech kienet l-ewwel membru Maltija li ssieħbet fl-MPC fl-2016. Fl-2017 issieħbet Maltija oħra, Christine Dimech, u permezz tal-grupp uffiċjali fuq Facebook għamlu kuntatt ma’ xulxin. Minn hemm bdiet ħbiberija ta’ sostenn u inkoraġġiment bejniethom. Inzerta li t-tnejn kellhom l-istess sfida, dik li jiġru għalkemm b’distanzi differenti: waħda li tiġri 5 kilometri u l-oħra nofs maratona. Sadanittant issieħbu żewġ membri oħra Maltin. Iltaqgħu l-erbgħa li huma għall-ewwel darba f’tellieqa ta’ 5 kilometri f’Settembru li għadda. Kienet l-ewwel tellieqa għalihom, l-ewwel sfida u l-bidu tal-MaltaPeakers.
Il-grupp Malti kompla jikber u llum jgħodd 26 membru, li jinkludi nies ta’ kull età u minn kull qasam tas-soċjetà, u kollha lesti biex jilħqu u jaffrontaw l-isfidi tagħhom. Nitkellmu kuljum permezz tal-grupp li waqqafna fuq Facebook. Il-motto tagħna huwa ‘We rise by lifting others’, li jirrifletti l-għan ċentrali tal-grupp. Kull xahar norganizzaw attivitajiet għall-grupp: Yoga, Pilates, tisjir, training u oħrajn. Apparti li dawn l-attivitajiet huma mezz biex niltaqgħu, permezz tagħhom inkomplu ngħinu fil-ġbir ta’ fondi għall-istituzzjonijiet imsemmija (www.justgiving.com/fundraising/maltapeakers2018).
L-MPC kien punt ta’ bidla għalina. Qiegħed itina ċ-ċans li nagħmlu affarijiet li dejjem xtaqna nagħmlu imma minħabba raġunijiet varji qatt ma stajna nagħmluhom. Ħafna drabi dawn ir-raġunijiet jinkludu nuqqas ta’ sapport u kunfidenza, biex b’hekk jirbħu skużi oħra bħal nuqqas ta’ ħin u motivazzjoni. F’dan il-grupp dawn l-affarijiet ma jonqsu qatt – dejjem ħa ssib min jgħinek b’parir, b’inkoraġġiment, b’sapport qawwi u bi ħbiberija sinċiera.
Aktar informazzjoni fuq My Peak Challenge tistgħu ssibuha fuq http://www.mypeakchallenge.com Segwu l-grupp fuq Facebook ‘The Malta Peakers’. Tistgħu anki ssegwu fuq Twitter kif ukoll fuq Instagram.