Minn fost mija u wieħed u erbgħin pajjiż li bejniethom ikopru disgħa u disgħin fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross tad-dinja, il-Forum Ekonomiku Dinji kklassifika lil Malta fit-tmienja u tletin post – it-tieni l-aqwa klassifika fl-aħħar għaxar snin.
Fost l-oħrajn, dan il-forum jevalwa l-istituzzjonijiet tal-pajjiż, u l-miżuri u skemi tal-Gvern li jkunu qed jaffettwaw il-prosperità ekonomika biex ikejjel il-kompetittività.
Għat-tieni sena konsekuttiva, Malta żammet postha fil-quċċata tal-klassifika tal-Forum Ekonomiku Dinji dwar l-istabilità makroekonomika.
Il-Ministru Chris Cardona nnota li dan ir-riżultat eċċellenti għal pajjiżna huwa riżultat tal-programm b’saħħtu tal-Gvern.
Cardona spjega kif “L-istabilità tagħna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kummerċ internazzjonali huwa wieħed b’saħħtu ħafna, għaliex qegħdin l-ewwel fil-lista, u dan ifisser li joħloq iżjed ambjent li joħloq interess għal dawk in-nies li jixtiequ jinvestu internazzjonalment u allura Malta tkun parti minn dik il-lista ta’ dawn in-nies.”
Lil’hinn mill-istabilità makroekonomika, Malta kisbet riżultati tajbin ħafna wkoll f’dak li għandu x’jaqsam mat-teknoloġija u l-informatika, is-settur tas-saħħa u l-infrastruttura tat-toroq.
Fuq Twitter, il-Prim Ministru Joseph Muscat laqa’ dan iċ-ċertifikat pożittiva għal pajjiżna, u fakkar li fl-istess indiċi tal-elfejn u tnax, pajjiżna kien ġie kklassifikat fil-wieħed u sebgħin post.
Intant, fil-quċċata tal-lista hemm Singapor, l-Istati Uniti u Hong Kong rispettivament, filwaqt li fl-aħħar jikklassifikaw l-ekonomiji taċ-Chad, tal-Yemen u tal-Kongo.