Ċifri tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea juru li Malta kellha l-ħames l-anqas rata ta’ qgħad fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Iċ-ċifri tal-Eurostat juru li f’Ġunju li għadda, ir-rata ta’ qgħad f’Malta kienet ta’ 3.9 fil-mija. Kienu biss il-Polonja, l-Ungerija, il-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka li kellhom rata ta’ qgħad ftit inqas minn ta’ Malta.
Min-naħa l-oħra, il-Greċja u Spanja kellhom l-ogħla rati ta’ qgħad. Ir-rata medja fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ 8.3 fil-mija.
L-istatistika turi wkoll li għat-tieni x-xahar konsekuttiv, Malta kellha l-inqas rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ taħt il-25 sena.
F’Ġunju li għadda r-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ Maltin kienet ta’ 5.5 fil-mija, segwita mill-Ġermanja b’6.2 fil-mija u l-Olanda b’7.2 fil-mija.
L-ogħla rati ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ kienu fil-Greċja b’aktar minn 42 fil-mija taż-żgħażagħ fuq il-kotba tal-qgħad, Spanja u l-Italja b’aktar minn 30 fil-mija taż-żgħażagħ Spanjoli u Taljani bla impjieg.