Malta żammet l-Islovakkja fi dro ta’ 2-2 f’logħba minn Grupp H mir-rawnd ta kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja.
It-tim Malti ta wirja kbira u qalbiena oħra fejn kien hu li fetaħ vantaġġ ta’ żewġ gowls fi spazju ta’ erba’ minuti fl-ewwel taqsima, fil-logħba li ntlagħbet f’Trnava, fl-Islovakkja.
Fis-16-il minuta Luke Gambin poġġa lil Malta fil-vantaġġ bi ġmiel ta’ gowl b’xutt bid-dawra li spiċċa fir-rokna tax-xibka.
Fl-20 minuta Alexander Satariano skorja t-tieni gowl ta’ Malta b’daqqa ta’ ras wara li ġie żmarkat.
It-tim tal-kowċ Devis Mangia baqa’ jdawwar il-ballun u kellu l-mumenti tiegħu u aktar ċansijiet li jiskorja.
Għall-Islovakkja skurjaw David Strelec u Milan Skriniar fil-bidu tat-tieni taqsima.
L-impenn tat-tim nazzjonali Malti jkompli nhar it-Tlieta li ġej f’logħba diffiċli oħra fil-grupp kontra l-Kroazja.
Malta terġa’ tilgħab barra minn darha.
B’dan id-dro miksub illejla, Malta kisbet l-ewwel punti f’logħba kompetittiva fir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja f’ erba’ snin.
F’Ottubru tal-2017 Malta kienet kisbet punt f’logħba f’Ta’ Qali kontra l-Litwanja bħala parti mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2018.
Intant fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela faħħar il-wirja qalbiena li ta t-tim nazzjonali Malti barra minn daru u nnota wkoll il-progress li qed jagħmel dan it-tim Malti.