Malta hija l-pajjiż bit-tielet l-inqas rata ta’ qgħad madwar l-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, statistika maħruġa mill-Eurostat turi li fix-xahar ta’ Settembru pajjiżna kiseb rekord ġdid fil-ġlieda kontra l-qgħad. Għall-ewwel darba fl-istorja, ir-rata ta’ qgħad waqgħet għal 4.7% li hija 0.1% inqas mix-xahar ta’ qabel, u 0.6% inqas mis-sena qabel.
Matul il-leġislatura preċedenti, bħala medja, r-rata ta’ qgħad f’pajjjżna kienet tlaħħaq is-6.5%. Fi tmiem l-2009 kienet saħansitra ntlaħqet rata ta’ qgħad ta’ 7.3%.
Skont il-Eurostat, f’Settembru pajjiżna kellu l-inqas rata ta’ qgħad mindu bdiet tinġabar din l-istatistika. Dan meta madwar iż-żona ewro l-qgħad ilaħħaq l-10%, jew aktar mid-doppju tar-rata f’pajjiżna.
Ir-rata ta’ qgħad f’Malta hija 0.6 punti perċentwali iktar minn dik fil-Ġermanja, il-pajjiż li jitqies bħala l-mutur ekonomiku tal-Unjoni Ewropea. Fil-bidu ta’ din l-amministrazzjoni Malta kellha rata ta’ qgħad kważi punt perċentwali ogħla mill-Ġermanja.
Lejlet l-aħħar budget tal-Gvern preċedenti, skont il-Eurostat, kien hemm 3,000 aktar persuna bla xogħol milli hawn illum. Fattur ewlieni wara t-tnaqqis fil-qgħad kien is-suċċess ta’ skemi biex aktar żgħażagħ jidħlu fid-dinja tax-xogħol, bħall-garanzija għaż-żgħażagħ li l-Kap tal-Oppożizzjoni jsostni li hija one big menace for our economy.
Filwaqt li fil-leġislatura li għaddiet. il-qgħad fost iż-żgħażagħ ġieli qabeż is-16%, skont il-Eurostat, pajjiżna llum għandu rata ferm inqas, 9.8%. Din hija t-tieni l-inqas rata madwar l-Unjoni Ewropea.
Fi ftit aktar minn tliet snin pajjiżna kellu żieda fl-impjiegi aktar minn dik fit-tliet leġislaturi preċedenti meħudha flimkien. Filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni bassar rata ta’ qgħad ogħla minn 7%, il-Eurostat qed turi l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna.
Fi stqarrija l-Gvern fisser kif fix-xhur li ġejjin, il-Gvern ser ikompli bil-ġlieda kontra l-qgħad biex il-ġid ikompli jasal għand kulħadd.