Il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea m’appoġġjawx proposta biex ikun hemm permess biex l-użu tal-bexx magħruf bħala glifosat, glyphosate, ikun estiż fl-Unjoni Ewropea.
Dan minħabba numru ta’ astensjonijiet, bl-uniku pajjiż li vvota kontra kien Malta. L-astensjonijiet fissru li ma nkisbitx il-maġġoranza kwalifikata li kien hemm bżonn biex il-proposta tal-Kummisjoni tgħaddi. Fost l-aktar li semmgħu leħinhom hemm il-membru tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli.
B’hekk sal-aħħar tax-xahar prodotti relatati jistgħu jkunu rtirati mis-suq. Dan il-prodott jinsab f’nofs kontroversja bejn politiċi mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, kif ukoll regolaturi u riċerkaturi. Dan għax hemm riżultati ta’ riċerka differenti dwar jekk dan il-prodott jikkawżax il-kanċer jew le.
Il-Kummissjoni Ewropea provat iġġib appoġġ biex iġedded il-liċenzja għal 15 –il sena, iżda wara li ma rnexxieliex provat tagħti spazju ta’ 18-il xahar ieħor għal iktar riċerka. Dan bit-tama li studju li għaddej mill-Aġenzija Ewropea tal-Prodotti Kimiċi tneħħi t-tħassib dwar l-impatt fuq is-saħħa.
Minkejja dan il-kompromess il-proposta ma kisbetx l-appoġġ meħtieġ fil-Kunsill tal-Ministru. Bil-kwistjoni issa se tkun diskussa f’laqgħa tal-Kummissarji Ewropew għada.