F’ittra flimkien ma’ Spanja, l-Irlanda u l-Belġju, Malta talbet lill-Kunsill Ewropew biex jitlob għal waqfien mill-ġlied f’Gaza.
Dawn l-erba’ stati membri jridu li l-ġimgħa d-dieħla, il-mexxejja Ewropej jiddibattu s-sitwazzjoni f’Gaza u b’mod konġunt, isejħu għal waqfien mill-ġlied li jtemm il-vjolenza li għaddejja f’din il-gwerra.
Il-mexxejja tas-sebgħa u għoxrin stat membru Ewropew se jiltaqgħu fl-erbatax ta’ Diċembru fi Brussell biex jiddiskutu l-għajnuna għall-Ukrajna, il-ġlieda kontra l-aggressjoni Russa, u jirrevedu l-budget Ewropew. Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani wkoll tinsab fuq l-aġenda.
L-ittra mill-erba’ Prim Ministru, inkluż dak Malti Robert Abela, hija indirizzata lill-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, li jmexxi s-summits Ewropej, u tisħaq dwar is-serjetà u l-gravità tal-gwerra f’Gaza u l-possibilità ta’ aktar eskalazzjoni tal-kunflitt madwar ir-reġjun.
Dawn l-erba’ pajjiżi jridu wkoll konferenza internazzjonali dwar il-paċi f’Gaza kemm jista’ jkun malajr.
Aqra l-ittra hawnhekk:

