Special Olympics Malta se torganizza l-logħob nazzjonali tagħha bejn it-tnax u l-ħmistax ta’ Settembru li ġej, bis-sehem ta’ tliet pajjiżi oħrajn, b’opportunità għal madwar sitt mitt atleta li jikkompetu u jesponu t-talenti u l-kapaċitajiet tagħhom kemm bħala tim jew b’mod individwali.
Minbarra l-atleti Maltin, se jieħdu sehem ukoll timijiet mill-Montenegro, Ċipru u l-Emirati Arab Magħquda, f’festa sportiva li, fuq kollox, tħaddan l-inklussività soċjali.
Dawn l-atleti se jieħdu sehem f’ħames dixxiplini, li huma, il-boċċe, l-aquantics, it-table-tennis, l-atletika u l-futbol, mifruxin f’żewġ postijiet differenti f’pajjiżna.
Mart il-Prim Ministru u President tas-Special Olympics, Dr Lydia Abela, spjegat ma’ ONE News kif it-tema ta’ dan il-logħob ma tfissirx li kullħadd irid jirbaħ, imma l-importanti li kull atleta jilħaq il-potenzjal tiegħu.
“Se nkunu qegħdin nagħtu l-opportunità biex l-atleti jilħqu l-potenzjal tagħhom. Fil-fatt semmejna dan il-logħob ‘Champion Within Us’, li hu slogan sabiħ, għax fih innifsu jagħti u jagħraf il-potenzjal li kull atleta għandu, kif ukoll il-potenzjal li għandna lkoll kemm aħna bħala tim biex l-atleti joħorġu l-aħjar tagħhom”.
Lydia Abela – President, Special Olympics
Gilmour Borg, atleta li ilu jieħu sehem f’isem pajjiżna f’dan il-logħob, qal li dan it-tip ta’ avvenimenti jfissru ħafna, għax jagħtuhom lok biex jikbru.
“Għalija jfisser ħafna s-Special Olympics, fejn aħna l-atleti nistgħu nkunu aħna. M’għandniex għalxiex nilbsu maskra biex inkunu persuni differeni, nistgħu nkunu aħna li nuru xi tfisser jien l-atleta, il-kapaċità. Aħna tkellimna li tkun champion, Special Olympics dejjem, dejjem champion għax tista’ tkun int.”
Gilmour Borg – Atleta
Gilmour, li se jkun qed jikkompeti fil-5-a-side futbol, kompla jispjega li l-logħob jirrappreżenta forma ta’ għaqda u tim u jinsab ħerqan biex jasal il-mument li jkun fil-pitch flimkien ma’ sħabu, biex juru l-kapaċitajiet tagħhom flimkien.
Id-Direttriċi tal-Isports, Christabelle D’Amato, ħeġġet lill-pubbliku biex jattendi u joffri l-appoġġ tiegħu lill-atleti kollha.
“Dan il-logħob se jsir fil-Kottonera u l-Marsa, u nixtieq nistieden lill-pubbliku inġenerali biex jiġu jissapportjaw lill-atleti tagħna”.
Christabelle D’Amato – Direttriċi Special Olympics