Il-Gvernijiet ta’ Malta, it-Turkija u dak ta’ għaqda nazzjonali Libjan iltaqgħu llum fi Tripli permezz tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin rispettivi.
It-tliet partijiet qablu li l-immigrazzjoni m’għandiex timponi theddida fuq l-Unjoni Ewropea u lanqas fuq il-Libja.
Malta, it-Turkija u l-Libja qablu li x-xtut Libiċi għandhom ikunu msaħħa biex jiġi miġġieled it-traffikar uman u Malta u t-Turkija lesti li jagħtu l-għajnuna u jattrezzaw iżjed il-gwardja tal-kosta Libjana biex dan iseħħ.
It-tliet Gvernijiet qablu wkoll li jfehmu l-Unjoni Ewropea dwar l-importanza li jiġu indirizzati l-għeruq tal-problema tal-immigrazzjoni billi jiġu mgħejjuna pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw.
It-tliet pajjiżi esprimew riserva dwar l-operazzjoni navali Ewropea, Irini, li tinforza ordni biex ma jitqassmux armi lejn il-Libja.
Filwaqt li qalu li ma hemmx soluzzjoni militari għall-kriżi fil-Libja, it-tliet partijiet qablu li joħolqu tim biex jikkordina l-koperazzjoni bi proġetti prattiċi bejn it-tliet pajjiżi.
Fost oħrajn issemma l-kummerċ bejn it-tliet pajjiżi.
Intant il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu taħditiet mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Josep Borrell u mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tat-Turkija Mevlüt Çavuşoğlu.
It-taħditiet iffukaw fuq is-sitwazzjoni fil-Mediterran, b’Malta tkompli tisħaq li l-paċi u l-istabbiltà fil-Mediterran huma kruċjali.