Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu laqgħa mal-Ministru tad-Difiża Tork Hulusi Akar waqt żjara uffiċjali li qed jagħmel f’pajjiżna.
Iż-żewġ Ministri tkellmu fuq it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn iż-żewg pajjiżi fl-oqsma tal-investiment, l-infrastruttura, it-turiżmu u t-tagħlim tal-Ingliż. Kien hemm qbil wkoll li ż-żewġ pajjiżi jikkoperaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali organizzata, il-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-bnedmin, il-kummerċ tad-droga u t-terroriżmu.
Il-Ministru Bartolo wera t-tħassib tiegħu dwar it-tensjoni qawwija fil-Lvant Mediterran u appella għall-kalma, it-tfittxija għall-kompromess u l-ġid komuni, in-negozjati madwar mejda, u l-ħarsien tal-liġi internazzjonali fit-tilwim bejn it-Turkija, il-Greċja u Ċipru.
Dwar il-Libja, il-Ministru Bartolo stqarr li Malta hija favur Libja waħda, magħquda u f’idejn il-Libjani stess. Saħaq li l-gwerra mhix soluzzjoni. Imma l-Libjani għandhom ikunu appoġġjati biex isibu ftehim bejniethom biex pajjiżhom, fost l-aktar sinjuri fil-Mediterran, jieħu r-ruħ għall-ġid tal-poplu Libjan. Tenna l-paċi u sigurtà fil-Libja huma wkoll essenzjali sabiex fl-Ewropa u fil-Mediterran jikun hemm aktar paċi u s-sigurtà.
Intant, il-Ministru għad-Difiża Tork Hulusi ltaqa’ wkoll mal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurnzr tal-Liġi, Byron Camilleri.
Il-Ministru Camilleri qal li kemm Malta u anke t-Turkija għandhom sfidi komuni fil-Mediterran.
Iż-żewġ Ministri tkellemu dwar is-sigurtà tar-reġjun, il-kunflitt fil-Libja u r-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija.
Il-Ministru Camilleri qal li ż-żewġ pajjiżi qed jikkonsidraw ideat kif isaħħu l-kollaborazzjoni tagħhom fuq l-infurzar tal-liġi fiż-żona, inkluż fejn tidħol l-immigrazzjoni illegali.
Ritratti: MFEA