Malta u t-Tuneżija għandhom numru ta’ opportunitajiet fejn jimirħu, partikolarment fis-settur tal-enerġija.
Kien dan il-messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħat bilaterali li kellu f’Tuneż mal-President tat-Tuneżija Kais Saied u mal-Prim Ministru tat-Tuneżija Najla Bouden.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru hekk kif fi żjara fil-kapitali tat-Tuneżija, il-Prim Ministru Abela beda b’laqgħa mal-President Tuneżin fil-Palazz Presidenzjali f’Kartaġni. F’taħditiet mal-President Saied, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif Malta qed tħares li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet u l-koperazzjoni mat-Tuneżija.
Dr Abela rrimarka li l-enerġija rinnovabbli hi l-futur anki għall-pajjiżi ġirien li jinsabu fin-Nofsinhar ta’ Malta u fisser lit-Tuneżija bħala sieħeb prominenti fi proġetti potenzjali li jgawdu minnhom il-popli taż-żewġ pajjiżi.
F’dan il-kuntest il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ l-aħħar laqgħat għolja bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija u d-diskussjonijiet li għaddejjin bejn iż-żewġ naħat dwar il-Pakkett Komprensiv ta’ Sħubija, li għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-koperazzjoni ekonomika, dik dwar l-enerġija u l-immigrazzjoni.
“Kellna laqgħat kienu b’saħħithom immens u li fissru li llum komplejna nikkonsolidaw ir-relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom li pajjiżna kellu f’dawn l-aħħar snin mat-Tuneżija. Imbagħad hawnhekk identifikajna l-iktar areas fejn hemm lok ta’ koperazzjoni. L-iktar areas, identifikajniha li hija tal-qasam tal-enerġija rinovabbli u hemmhekk issa qegħdin f’diskussjonijiet li għaddejjin f’livell tekniku li nittamaw li jwasslu għal ftehim ta’ memorandum of understanding li fih jista’ jkollna koperazzjoni fuq il-qasam ta’ enerġija rinovabbli bejn it-Tuneżija u pajjiżna.“
Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru Abela rrimarka li Malta dejjem iddefendiet b’mod konsistenti l-ħtieġa tal-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran biex ikun hemm stabbiltà fl-Ewropa.
“Dan il-messaġġ ta’ solidarjetà ma jistax ifisser jew għandu jiġi interpretat bħalha li nixħtu problema taħt it-tapit, iżda li rridu nkunu frontali u fuq quddiem nett, partikolarment pajjiżi bħalna li huma frontliners biex din it-tema nżommuha ’il quddiem għad-diskussjoni.“
Mal-Prim Ministru Bouden, il-Prim Ministru Malti rrimarka li l-immigrazzjoni hi kwistjoni globali li ma tistax tiġi indirizzata minn pajjiż jew reġjun wieħed. Innota wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin se jkun hemm konferenza internazzjonali dwar l-immigrazzjoni, li qed tħares li tindirizza wkoll it-traffikar uman marbut mal-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
F’Tuneż il-mexxejja taż-żewġ naħat iddiskutew ħidma li għaddejja dwar ftehimiet li fil-futur hemm il-ħsieb li jiġu ffirmati bejn iż-żewġ pajjiżi, fosthom fil-qasam tal-enerġija u dak taż-żgħażagħ. Fuq dan tal-aħħar, il-ħidma għaddejja fuq ftehim ġdid wara dak iffirmat 12-il sena ilu. Il-Prim Ministru Robert Abela semma wkoll l-immaniġjar tal-ilma.
“Illum ukoll offrejna s-servizz tekniku tagħna fil-qasam tal-immaniġġjar tal-ilma u pajjiżna għandu livell għoli ta’ ħila fil-qasam tal-immaniġġjar tal-ilma.”
Iż-żewġ Prim Ministri ddiskutew ukoll ir-rieda ta’ aktar koperazzjoni kummerċjali bejn iż-żewġ pajjiżi, fosthom dwar l-opportunità ta’ koperazzjoni fid-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu. Temi oħrajn reġjonali li tqajmu kienu l-konflitt fis-Sudan, is-sitwazzjoni fis-Sirja u dik fil-Lvant Nofsani.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela fiż-żjara fit-Tuneżija kien hemm ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.