Il-Gvern Malti ffirma ittra flimkien ma’ numru ta’ stati membri oħra Ewropej sabiex il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea biex id-Direttiva dwar pagi minimi adegwati tinbidel f’rakkomandazzjoni.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ntqal li l-istati membri, inkluż Malta, jemmnu li d-Direttiva kif proposta tikkunsidrax ir-realtajiet differenti tal-istati membri.
Waqt li kien qed jieħu sehem f’konferenza virtwali multilaterali mal-Ministri tax-Xogħol tal-pajjiżi firmatarji ta’ din l-ittra, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela enfasizza li filwaqt li Malta tappoġġja l-għan wara d-Direttiva li kull ħaddiem ikollu dritt għal għajxien diċenti, Malta temmen f’politika nazzjonali għall-issettjar tal-paga minima li tieħu inkunsiderazzjoni l-ispeċifikazzjonijiet nazzjonali ta’ kull pajjiż.
Il-Ministru Abela esprima t-tħassib tiegħu fuq il-bażi legali tad-Direttiva u tkellem ukoll dwar kif partijiet mid-Direttiva jistgħu jinkisru fuq il-prinċipju tas-sussidjarità u ma jħallux lok għal flessibilità.
Il-Ministru Carmelo Abela tenna li Malta qed tappoġġja t-talba li jkun hemm opinjoni legali fuq id-Direttiva u taqbel ukoll li din għandha tkun konkluża qabel jibdew it-taħditiet fuq il-proposta nnifisha.
Huwa sostna li Malta tibqa’ kommessa li tipparteċipa fid-diskussjonijiet sabiex jintlaħaq bilanċ ġust flimkien mal-partijiet involuti kollha, sabiex din id-direttiva tippermetti ċertu flessibilità lill-istati membri sabiex jiddeterminaw l-aqwa soluzzjonijiet skont ir-realtajiet nazzjonali.
Flimkien ma’ pajjiżna qed jiffirmaw din l-ittra l-Isvezja, id-Danimarka, l-Awstrija, l-Olanda, l-Irlanda, il-Polonja, l-Ungerija u l-Estonja. L-ittra se tkun qed tintbagħat lill-Presidenza Portugiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll dik preċedenti tal-Ġermanja.