Malta u sitt pajjiżi oħra ffirmaw il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar l-Effetti Internazzjonali tal-Bejgħ tal-Vapuri b’Subbasta waqt ċerimonja li saret fil-Palazz Verdala, fis-Siġġiewi.
Delegazzjonijiet mill-Antigua & Barbuda, il-Kroazja, il-Kosta tal-Avorju, l-Italja u Spanja kienu f’Malta biex jiffirmaw din il-Konvenzjoni, li mistennija twassal għal titjib konsiderevoli fis-settur globali tat-trasport bil-baħar.
Dan għaliex se tissaħħaħ iċ-ċertezza legali billi tinħoloq struttura uniformi fuq l-effett tal-bejgħ tal-vapuri b’subbasta, li tiżgura li bejgħ li jsir fi stat wieħed, ikollu l-effett li jagħti titlu nadif lix-xerrej f’kull stat ieħor.
F’ċeremonja ppreseduta mill-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg spjega li Malta qed tikkontribwixxi b’mod attiv għad-dħul fis-seħħ ta’ din il-Konvenzjoni, billi tipprovdi l-opportunità biex aktar pajjiżi japprovawha.
Il-Ministru għat-Trasport, Chris Bonett qal li l-introduzzjoni taċ-Ċertifikat tal-Bejgħ bis-Subbasta se jissimplifika l-proċess li bih jiġu trasferiti u rreġistrati l-vapuri, u dan jipprovdi ċ-ċertezza u l-uniformità li din l-industrija tant għandha bżonn.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard elenka li fit-tradizzjoni legali marittima ta’ Malta, għandna storja twila ta’ rispett lejn il-ġustizzja u l-ekwità fit-tranżazzjonijiet marittimi.