F’laqgħa bilaterali bejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Malti, Ian Borg u l-Kooperazzjoni Ekonomika Internazzjonali u Telekomunikazzjoni tar-Repubblika ta’ San Marino, Luca Beccari ġie ffirmat ftehim dwar it-tisħiħ tal-konsultazzjonijiet politiċi bejn iż-żewġ Repubbliki.
Dan bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn Iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll li tissaħħaħ ir-relazzjoni ta’ San Marino mal-Unjoni Ewropea.
Huwa tenna li Malta u San Marino diġà jgawdu minn relazzjonijiet eċċellenti u l-kuntatt u l-iskambji bejn iż-żewġ pajjiżi huma ta’ valur.
Il-Ministru Borg, qal li fuq livell Ewropew qal li l-integrazzjoni aktar mill-qrib ma’ San Marino hija wkoll fl-interess ta’ Malta u l-Unjoni Ewropea peress li tista’ potenzjalment ittejjeb il-perspettivi għal aktar tkabbir, investiment, innovazzjoni, u impjiegi, fosthom fis-setturi tal-kultura, tal-edukazzjoni u tal-isports.
Il-Ministru Luca Beccari rringrazzja lill-Ministru Borg tal-ospitalità li dejjem wera f’pajjiżna.
Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll suġġetti relatati mal-kummerċ, l-irwol ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda kif ukoll il-gwerra fl-Ukrajna.