Kien issiġillat ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Għolja għar-Renju Unit biex tissaħħaħ il-ħidma konġunta bejn iż-żewġ pajjiżi fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Il-ftehim, li jorbot iż-żewġ pajjiżi għas-sentejn li ġejjin, se jassigura li tingħata l-għajnuna meħtieġa lill-awtoritajiet Maltin fit-tfassil ta’ Strateġija Nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin. Il-ftehim jipprovdi wkoll għat-tisħiħ ta’ mekkaniżmi biex jipproteġu lill-vittmi u taħriġ lill-ħaddiema ma’ persuni vulnerabbli li jiffaċċjaw riskji akbar li jiġu ttraffikati.
Il-Kummissarju Għoli Ingliż f’Malta, Stuart Gill, qal li huwa sodisfatt li r-Senju Unit qiegħed jagħmel kollaborazzjoni ma’ Malta dwar dan il-qasam.Qal li sena li għaddiet fir-Renju Unit instab li kien hemm mal-4,000 vittma ta’ traffikar tal-bniedem minn 108 pajjiż differenti.
Dan il-ftehim se jkopri s-sentejn li ġejjin, u huwa bbażat fuq ħames għanijiet li jvaraw minn għajnuna fil-kitba ta’ liġijiet ġodda dwar il-qasam, it-tisħiħ tal-appoġġ li jingħataw lill-vittmi, u li ż-żewġ pajjiżi jaqsmu l-aqwa modi kif jistgħu jiġġieldu din il-kriminalità. Se jkun offrut ukoll taħriġ speċjali lill-impjegati ta’ entitajiet pubbliċi li jaħdmu ma’ persuni vulnerabbli, jew ma persuni li huma f’riskju li jiġu ttraffikati.
Filfatt, bħala parti mill-ftehim ġew Malta esperti mir-renju unit fejn taw taħriġ lill-ħaddiema ta’ Identity Malta u ħaddiema oħra li jaħdmu f’dan il-qasam. Bil-ftehim, il-gvern se jagħmel kampanji edukattivi, fosthom kampanja Nazzjonali ta’ għarfien.
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli qalet li b’dan il-ftehim, i-gvern se jkompli jsaħħaħ il-ġlieda tiegħu kontra t-traffikar tal-bnedmin. Saħqet li s-suċċess tal-istrateġija tal-pajjiż li tieħu passi kontra t-traffikanti tiddependi mil-livell ta’ protezzjoni li jagħti l-istat lill-vittmi.