Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ian Borg kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Ewropea Ingliż, Leo Docherty.
Id-diskussjonijiet iffukaw fuq l-aspett multilaterali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Presidenza ta’ pajjiżna fl-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u s-Sigurtà fl-Ewropa, l-OSCE u anki fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda. Hawnhekk ġew diskussi l-pritoritajiet, hekk kif iż-żewġ pajjiżi se jkollhom il-Presidenza tul din is-sena.
Il-Ministru Ian Borg tenna li Malta qed tassumi dan l-irwol b’responsabbiltà kbira, fl-istess ħin li tirrikonoxxi l-mument kritiku li d-dinja għaddejja minnu.
Il-Ministru Ingliż innota l-isforz u l-impenn ta’ Malta fuq il-livell tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u anke fl-OSCE f’dan iż-żmien ta’ sfida. Huwa qed iħares ’il quddiem għal aktar kooperazzjoni effettiva b’risq iż-żewġ popli fuq bażi bilaterali.
Kienu diskussi wkoll ir-relazzjonijiet tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea, il-kunflitt f’Gaża u kunflitti oħra, il-Commonwealth u anke l-immigrazzjoni.