Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg enfasizza l-impenn sod ta’ Malta biex issaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali waqt laqgħa bilaterali ta’ livell għoli mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Ungerija, Péter Szijjártó, li saret illum f’Budapest, l-Ungerija.
Id-diskussjonijiet kienu dwar il-kwistjonijiet urġenti li qed jolqtu lill-Ewropa u l-madwar, b’mod speċjali l-iżviluppi kontinwi fil-kwistjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-implikazzjonijiet wiesgħa tagħha fuq iż-żewġ pajjiżi, l-Ewropa, u l-komunità internazzjonali.
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg saħaq fuq l-importanza ta’ azzjoni kollettiva fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex jiġu indirizzati r-riformi istituzzjonali, il-migrazzjoni, u t-tkabbir.
It-tmexxija ta’ Malta fix-xena internazzjonali kienu wkoll punt ċentrali fid-diskussjonijiet. Id-Deputat Prim Ministru informa lill-kontroparti tiegħu Ungeriż dwar l-inizjattivi multilaterali kontinwi ta’ Malta. “Kelli l-pjaċir naġġorna lill-Ministru Szijjártó dwar it-terminu ta’ sentejn ta’ Malta bħala membru mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda u x-xogħol ta’ Malta bħala Chair-in-Office tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni tas-Sigurtà fl-Ewropa (OSCE).”
Id-Deputat Prim Ministru esprima ottimiżmu dwar ir-riżultati tal-laqgħa, u osserva li din saħħet aktar ir-rabta bejn iż-żewġ nazzjonijiet. “Għal darb’oħra, jiena grat għall-opportunità li kelli din il-laqgħa bilaterali mal-Ministru Szijjártó. Ninsab fiduċjuż li l-iskambji tal-lum ser itejbu aktar ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna.”
Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg ħa sehem ukoll f’laqgħa mal-Ministru Ungeriż għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea, János Bóka. Id-diskussjonijiet iffokaw fuq l-avvanz tal-kooperazzjoni fi ħdan il-qafas tal-UE, partikolarment fid-dawl tal-iżviluppi tal-politiki u l-istrateġiji tal-UE.