Malta u l-Qatar qablu li jesploraw azzjoni konġunta bejn iż-żewġ pajjiżi biex tiżdied il-kooperazzjoni f’oqsma differenti, inkluż fl-enerġija, fil-farmaċewtika, fil-qasam finanzjarju, fl-oqsma tal-medicina, u fl-oqsma tal-isport, il-facilitajiet komunitarji sportivi u l-akkademji tal-isports.
Iż-żewġ pajjiżi qablu wkoll li huwa fl-interess ta’ stati żgħar li jikkollaboraw aktar flimkien fuq livell politiku u ekonomiku u jsaħħu l-ħidma tagħhom fl-interess taċ-ċittadini tagħhom.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Qatar ix-Sheik Abdulrahman Al-Thani laqa’ lill-Minisru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo f’Doha, il-belt kapitali tal-Qatar.
Il-Ministru Bartolo u d-Deputat Prim Ministru Al-Thani qablu li l-Qatar jista’ jaqsam l-esperjenza ta’ Malta biex il-Qatar ikompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ta’ pajjiżu ma’ pajjiżi Ewropej.
Qablu li d-dinja trid titgħallem mill-iżbalji li saru fl-Afganistan u li n-naħat kollha ikunu fuq il-mejda tad-diskussjonijiet bit-tama li tinsab soluzzjoni f’dan il-pajjiż.
Iż-żewġ naħat qablu wkoll li huwa fl-interess ta’ kulħadd li l-Libja ma titħalliex issir Afganistan ieħor u li l-Libjani jkunu megħjuna mill-komunità internazzjonali jmexxu lilhom infushom fl-interess sħiħ tal-poplu Libjan.
Il-Ministru Bartolo kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima, li żar faċilitajiet akkademiċi edukattivi u sportivi fil-pajjiż bil-għan li tiżdied il-kooperazzjoni fil-qasam tal-isport bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-Ministru Evarist Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima kellhom laqgħa mal-Ministru għall-Isport u ż-Żgħażagħ tal-Qatar Salah Bin Ghanim Al Ali.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq dwar kif iż-żewġ pajjiżi jistgħu jitgħallmu mill-prattiċi ta’ xulxin u kif jistgħu jtejbu s-settur sportiv f’Malta permezz ta’ kollaborazzjoni li tħalli effett kemm fuq livell amministrattiv kif ukoll dak prattiku.