Malta u l-Libja ffirmaw ftehim ta’ koperazzjoni konġunta dwar interconnector bi provvista ta’ enerġija rinnovabbli bejn iż-żewġ pajjiżi.
Dan il-ftehim ġie ffirmat fil-kapitali Libjana, Tripli, wara laqgħa bilaterali bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Prim Ministru Libjan, Abdul Hamid Dbeibah.
Iż-żewġ mexxejja ddiskutew it-temi tal-enerġija, is-sigurtà, u l-koperazzjoni ekonomika bejn iż-żewġ pajjiżi.
Meta tkellem mal-ġurnalisti, il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-ftehim iffirmat bħala opportunità tajba għaż-żewġ naħat u qal li huwa ħerqan biex ikun hemm proġetti tanġibbli fil-qasam tal-enerġija li bihom igawdu l-popli taż-żewġ pajjiżi.
Dr Abela qal li l-Libja għandha potenzjal qawwi biex tiġġenera enerġija rinnovabbli, fil-kuntest tar-rieda ta’ dan il-pajjiż li jkun sieħeb strateġiku mal-Unjoni Ewropea.
“Hawnhekk ma ġejniex niffirmaw ftehim, imma xi ħaġa li tista’ titwettaq, u dak li qed naraw illum huwa l-istess messaġġ li konsistentament għaddejna fil-fora Ewropej illi nemmnu fil-Libja bħala post li fih jista’ jiġi ġġenerat ħafna enerġija solari, fost oħrajn – l-enerġija ġġenerata mix-xemx, imbagħad dak li jiġi ġġenerat hawnhekk jiġi ttrasportat lejn Malta u minn Malta mbagħad eventwalment inkunu nistgħu nittrasportaw ukoll l-enerġija lejn ix-xtut Ewropej u nservu bħala pont bejn il-kontinent Ewropew u l-kontinent Afrikan.”
Din il-laqgħa bejn il-mexxejja taż-żewġ pajjiżi ġirien saret wara l-laqgħa li kellu f’Ruma l-Prim Ministru Robert Abela mal-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, u fil-kuntest ta’ qbil li ntlaħaq f’Malta din is-sena fis-Summit tal-MED9 bejn il-Ministri tal-Enerġija ta’ disa’ Stati membri tal-Unjoni Ewropea li jinsabu fir-reġjun tal-Mediterran.
Dr Abela ddiskuta wkoll ir-rieda għal aktar kollaborazzjoni kummerċjali bejn Malta u l-Libja, li ssaħħet bil-possibilità ta’ żieda fit-titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi u l-espansjoni ta’ negozji Maltin fl-Afrika ta’ Fuq.
Dwar it-tema tas-sigurtà u l-migrazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lill-Gvern Libjan għall-ħidma li qed issir biex jonqsu l-wasliet u rrimarka li l-mudell ta’ koperazzjoni bejn Malta u l-Libja għandu jkun applikat ukoll fil-livell Ewropew mill-Unjoni Ewropea.
“Il-messaġġ tagħna f’dan l-aħħar snin fuq din it-tema kien konsistenti li l-Libja nnifisha hija vittma tal-problema tal-immigrazzjoni irregolari. Forsi għall-bidu dan il-messaġġ li bdejna nibgħatu b’mod konsistenti fil-fora Ewropej ma bediex jasal, iżda llum nemmen li hemm differenza. Għaliex konna konsistenti f’dan il-messaġġ. Magħna llum ingħaqdet l-Italja, qed jingħaqdu pajjiżi oħrajn li qed iwasslu dan il-messaġġ u jidher li fl-aħħar il-problema se tibda’ tiġi indirizzata fuq livell Ewropej. Ma nistgħux jew nippretendu li l-Libja ssolvi din il-problema waħedha. Lanqas ma tista’ titħalla f’ħoġor Malta waħedha jew f’ħoġor l-Italja waħedha però nemmen fi sforz konġunt.”
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Libjan qal li l-Libja hija impenjata li jkun hemm aktar koperazzjoni f’aktar oqsma, fosthom fil-qasam tal-enerġija.
Filwaqt li rringrazzja lill-Prim Ministru Malti, il-Prim Ministru Dbeibah qal li anki l-Libja hija impenjata li tkompli taħdem ma’ Malta fuq il-migrazzjoni, kontra t-traffikar tal-bnedmin u favur is-salvataġġ tal-ħajjiet.
Always a pleasure to meet @Dabaibahamid. Today's signing of the MoU marks a new chapter in energy collaboration between 🇲🇹 & 🇱🇾. Electricity interconnector will strengthen the energy connection between Europe and North Africa and supports @MaltaGov green transition plan. – RA pic.twitter.com/MqV9lpmjk4
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) June 22, 2023