Fil-jum tat-Tnejn, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-Libja u ltaqa’ mal-Prim Ministru l-ġdid Libjan Abdul Hamid Dbeibah. Biex hekk Dr Abela kien l-ewwel Prim Ministru Ewropew li flimkien ma’ delegazzjoni Maltija għamel din iż-żjara u stieden lill-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali għal żjara f’pajjiżna.
Dan wara li fi Frar li għadda, Dbeibah ġie elett bħala Prim Ministru Libjan biex imexxi Gvern tranżitorju qabel l-elezzjoni ġenerali li se ssir f’Diċembru li ġej.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta bejn il-Prim Ministru Malti u dak Libjan, il-Prim Ministru Malti saħaq fuq l-importanza tal-ħbiberija li hemm bejn iż-żewġ pajjiżi, li waslet għall-koperazzjoni fl-oqsma tal-kummerċ, l-ekonomija u l-immigrazzjoni.
“L-iktar punt ewlieni li ħareġ mil-laqgħat tal-lum kien illi l-Libja m’għandniex inħarsu lejha biss madwar is-suġġett tal-immigrazzjoni, iżda l-messaġġ ċar li ħareġ miż-żewġ naħat ikolli ngħid kien illi rridu niffukaw fuq it-tkattir tal-kummerċ. U dak illi qed inħarsu lejh aħna, kif aktar Libjani jiġu b’mod faċli lejn Malta biex ikunu jistgħu jinvestu u viċi versa.”
Il-Prim Ministru Malti saħaq kif għal dawn l-aħħar ħmistax-il xahar, il-poplu Libjan sab lil Malta viċin tiegħu u kif iż-żewġ pajjiżi jridu jaħdmu flimkien biex jiġġieldu l-kriminalità organizzata u anke fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-19. Dan hekk kif tenna li l-Gvern Malti ser jgħin lil-Libja b’mod diplomatiku biex din tixtri dożi tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Il-Prim Ministru stqarr li jinsab sodisfatt li Malta fetħet mill-ġdid l-ambaxxata tagħha fil-Libja u qal kif fil-jiem li ġejjin ser jinfetaħ il-konsulat f’dan il-pajjiż ġar ta’ Malta. Qal kif dan se jwassal biex iż-żewġ pajjiżi se jsaħħu r-relazzjonijiet u anke fil-kummerċ.
Qal kif Malta qed tħares ‘il quddiem biex terġa tintroduċi t-titjiriet diretti lejn dan il-pajjiż.
Saħaq li Malta trid li l-Libja tkun immexxija mil-Libjani u tkun b’saħħitha u tkun fil-paċi. Dr Abela qal kif il-paċi fil-Libja twassal biex l-kontinent Ewropew u r-reġjun tal-Mediterran ikunu jistgħu jsarrfu l-potenzjal kollu tagħhom.
Kruċjali f’din il-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi huwa t-tisħiħ tal-konnettività bejn iż-żewġ pajjiżi.
“Ewlieni ser ikun il-bidu mill-ġdid tat-titjiriet diretti anke bil-linja tal-ajru nazzjonali ta’ pajjiżna minn u lejn Malta u dak kien punt li n-naħa Libika nsistiet dwaru u li aħna wkoll tħaddidna dwaru. Dwar kif dawn it-titjiriet jistgħu eventwalment jibdew b’mod sigur kemm minn aspett ta’ saħħa u minn aspett ta’ sigurtà b’mod ġenerali.”
Il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ wkoll mal-President tal-Libja Mohammed Younes Menfi.
Din iż-żjara ssegwi ż-żjara li għamel il-Ħadd, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.
Hawnhekk, il-President tal-Kunsill Ewropew qal kif l-Unjoni Ewropea se tgħin lil dan il-pajjiż.
Ġie miftiehem li sal-aħħar ta’ April se tkun qed terġa’ tinfetaħ ambaxxata fil-Libja tal-Unjoni Ewropea.
Flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela fil-Libja kien hemm ukoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.