Se titnieda hawn Malta, tul il-Presidenza tagħna tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, politika ġdida fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Din hija politika li għandha twassal sal-2020.
Il-Ministru għall-Affarijiet Interni u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela qal li l-politika se titfassal wara stima tas-sitwazzjoni attwali, imwettaq mill-Europol, fejn tidħol il-kriminalità organizzata. Il-Ministru kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet flimkien mad-Direttur tal-Europol Rob Wainwright, fil-Kwartieri tal-Pulizija fil-Furjana. Waqt il-laqgħa ġew skambjati dossiers relatati mas-sigurtà, bħala parti mill-preparazzjonijiet finali għall-Presidenza Maltija.
Il-Ministru Abela qal li l-politika ġdida se tkompli tibni fuq dik attwali, li tnediet sitt snin ilu, għall-perjodu 2013-2017. Dak iż-żmien kien tfassal pjan immirat li jiġġieled il-kriminalità internazzjonali u l-kriminalità organizzata, filwaqt li tissaħħaħ il-kooperazzjoni effettiva u l-azzjoni operattiva, biex ikunu miġġielda it-theddidiet kriminali l-aktar urġenti.
Din il-politika kienet ibbażata fuq sitt prijoritajiet, u Malta tipparteċipa f’ħames operazzjonijiet, inkluż dwar l-immigrazzjoni illegali, id-drogi, il-frodi ta’ karti, u l-isfruttament sesswali tat-tfal bħala parti mill-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità.
Il-Ministru Abela qal li fi żmien fejn il-kriminalità saret mingħajr fruntieri, l-isforzi għandhom ikunu transnazzjonali ukoll. Wainwright tkellem dwar il-kooperazzjoni eċċellenti li teżisti bejn l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta u l-EUROPOL, u esprima ottimiżmu lejn it-tisħi ta’ dawn ir-relazzjonijiet.
Qal li l-Europol qed tistinka biex tgħaqqad komunitajiet madwar l-Ewropa, bl-iskambju ta’ eluf ta ‘messaġġi ta’ intelliġenza kuljum, dwar l-attivitajiet li għaddejjin tal-organizzazzjonijiet terroristiċi kriminali l-aktar perikolużi fl-Ewropa. Qed jgħinu fl-eluf ta’ operazzjonijiet li jsiru kull sena, l-aktar fl-aħħar sena, meta seħħew reati kbar bħal dak ta’ Pariġi u postijiet oħra.
Il-Pulizija Maltija għandha dik li tissejjaħ Europol National Unit, li sservi bħala l-punt għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Europol u ċentri Nazzjonali oħra u korpi ta’ infurzar tal-liġi f’Malta. Dil-entità tiġbor, tanalizza u xxerred l-informazzjoni neċessarja. L-informazzjoni kollha imbagħad tkun trasmessa permezz ta’ Uffiċjal lejn fis-sede tal-Europol f’The Hague.