Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 u l-Fondi Ewropej Ian Borg u s-Segretarju tal-Istat fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Slovakka Ivan Korčok iffirmaw ftehim ta’ kooperazzjoni hekk kif iż-żewġ pajjiżi qegħdin iħejju għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea rispettiva tagħhom.
B’dan il-ftehim, Malta se tippresjedi fuq diversi laqgħat ta’ ħidma relatati mal-politika interna u esterna tas-sajd u tassumi r-responsabbiltà għall-preparazzjoni, koordinazzjoni u tmexxija ta’ laqgħat oħra relatati mal-politika integrata marittima waqt il-Presidenza Slovakka.
Malta se tingħata r-rwol li tippresjedi l-laqgħat ta’ koordinament tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) f’Londra, u se tirrappreżenta l-membri stati tal-UE f’laqgħat tal-kumitat tal-IMO li se jibdew f’Lulju 2016.
Ian Borg qal li dan il-ftehim huwa riflessjoni tal-kooperazzjoni li teżisti bejn id-diversi pajjiżi u jippermetti li nagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi ta’ kull pajjiż tat-Trio.
Min-naħa l-oħra, is-Slovakkja se tingħata r-responsabbiltà li tipprepara, tikkoordina u tmexxi l- laqgħat tal-esperti veterinarji u l-oqsma tal-forestrija, is-saħħa tal-pjanti u laqgħat oħra bħal tal- enerġija atomika u nukleari waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE fl-2017.
Iċ-ċerimonja tal-iffirmar saret fi Brussell waqt li l-ministri qegħdin jattendu għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali.