Bejn l-2022 u l-2070, il-ġid nazzjonali ta’ pajjiżna se jikber bi 2.1% fis-sena bħala medja, skont tbassir tal-esperti fil-Kummissjoni Ewropea. Din hi l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku mbassra għal xi pajjiż Ewropew u l-uniċi pajjiżi li mistennija jkollhom din ir-rata ta’ titjib fil-valur miżjud huma biss Malta u l-Irlanda.
Dan ħabbritu l-gazzetta KullĦadd fejn ikkwotat rapport tal-istituzzjoni Ewropea, imsejjaħ Ageing Report, li jitfassal kull sentejn wara sensiela ta’ laqgħat ma’ tekniċi mill-pajjiżi membri kollha.
Skont dan l-istudju analitiku, li jinkludi proġetazzjonijiet ta’ kif tkun se tiżviluppa l-ekonomija fid-diċenji li jmiss, il-medja Ewropea hi mbassra li tkun ta’ 1.3% biss, li jfisser li kull sena l-ekonomija ta’ Malta se tkun qed titjieb b’aktar minn darba u nofs il-medja tas-27 pajjiż membru.
Il-pajjiżi bl-inqas tkabbir ekonomiku f’dan il-perjodu mistennija jkunu l-Ġermanja, il-Ġreċja, Franza, l-Italja, il-Latvja u l-Finlandja, fejn hu mistenni li se jikbru b’1.1% jew kważi nofs ir-rata ta’ tkabbir imbassar għal pajiżna.
Dan ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jinnota wkoll kif pajjiżna kien dak bl-aqwa tkabbir fir-rata ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol mill-2010 ’il hawn. Dan hekk kif ir-rata ta’ parteċipazzjoni fost l-irġiel issa laħqet dik fl-Iżvezja, il-pajjiż bl-ogħla rata fl-Ewropa, waqt li f’dik femminili rnexxielna nilħqu l-medja Ewropea għall-ewwel darba fl-istorja.
Minbarra hekk, waqt li skont l-Oppożizzjoni Nazzjonalista pajjiżna mhux qed isir aktar produttiv u t-tkabbir ekonomiku ġej minn cheap labour, l-esperti Ewropej jisħqu li, kull sena, bħala medja bejn issa u l-2070 il-produttività tal-ħaddiema ta’ pajjiżna se titjieb b’1.6%.
Din ir-rata hi aqwa mill-medja Ewropea ta’ 1.4%. Dan meta fil-Ġermanja – pajjiż li mhux assoċjat maċ-cheap labour u hu meqjus bħala l-mutur ekonomiku fl-Ewropa – mistenni jkollhom żieda medja annwali fil-produttivita ta’ 1.3% jew 0.3% inqas minn Malta. L-istess fi Franza fejn iż-żieda fil-produttività mistennija tkun ta’ 1% biss.