Il-President ta’ Malta, George Vella, saħaq li l-fatt li pajjiżi bħal Malta u l-Irlanda m’humiex ġganti militari jew mexxejja tal-ordni internazzjonali, ma jfissirx li huma irrilevanti.
Huwa kien qed jitkellem waqt Ċena Statali li saret fis-Sacra Infermeria, il-Belt Valletta, fl-okkażjoni taż-Żjara Statali tal-President tal-Irlanda, Michael D. Higgins.
“Qatt ma qgħadna lura milli nieħdu pożizzjonijiet sodi u niddefenduhom, fuq il-bażi tal-prinċipji u l-valuri fundamentali tagħna, anki fil-livell internazzjonali,” qal il-President Vella.
“Dan jgħodd illum daqs qatt qabel, hekk kif qegħdin naraw gwerra sseħħ quddiem għajnejna fl-Ukrajna.”
Il-Kap tal-Istat Malti qal li ż-żewġ pajjiżi jibqgħu sodi u kategoriċi fid-difiża tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna, bil-konfini tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, u d-dritt li tagħżel il-politika barranija u ta’ sigurtà tagħha.
Min-naħa tiegħu, il-President Irlandiż qal li Malta u l-Irlanda, bħala membri newtrali tal-Unjoni Ewropea, huma magħqudin fis-solidarjetà tagħhom mal-Ukrajna u mal-poplu tagħha wara l-invażjoni Russa, li ddeskriviha bħala immorali u mhux ġustifikata.
Qal li, quddiem il-kriżi umanitarja fl-Ukrajna, Malta u l-Irlanda qed juru determinazzjoni u kompassjoni.