L-isfidi tal-migrazzjoni kienet l-qofol tal-laqgħa bilaterali bejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Greċja Nikos Dendias u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg.
Il-Ministru Borg spjega kif fl-istorja riċenti, Malta u l-Greċja, għandhom relazzjoni b’saħħitha li tmur lura mill-1966. Spjega kif waqt id-diskussjoni bejniethom, ġiet diskussa r-relazzjoni ta’ bejn iż-żewġ pajjiżi u kif ukoll opportunitajiet ġodda li jistgħu jimirħu fihom, b’mod partikolari fl-industrija tal-farmaċewtika u s-settur tat-turiżmu.
Ġiet diskussa wkoll is-sitwazzjoni fit-Turkija u kif ukoll fil-Libja, kif ukoll sforzi Ewropej kemm fuq il-klima u l-enerġija. Il-Ministru Borg semma wkoll kif iddiskutew il-priorità ta’ Malta, dik li għas-sentejn li ġejjin Malta se jkollha Siġġu mhux Permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda. Spjega kif Malta se tkun vuċi b’saħħitha għad-djalogu kif ukoll għar-rule of law internazzjonali kif ukoll għar-regoli bbażati fuq ordni internazzjonali.
Il-Ministru Grieg, Nikos Dendias, qal li ż-żewġ pajjiżi għandhom relazzjoni b’saħħitha hekk kif għandhom interessi komuni. Tenna kif ġiet diskussa l-invażjoni fl-Ukrajna kif ukoll is-sitwazzjoni li qed taffaċċja l-Greċja kawża tat-Turkija. Sostna kif kemm Malta kif ukoll il-Greċja għandhom għan komuni, dak li jaħdmu għal stabbiltà fil-Libja.
Hu temm billi qal kif flimkien iddiskutew it-tisħiħ tal-koperazzjoni tal-Unjoni Ewropea, il-qasam tat-turiżmu u kif ukoll il-migrazzjoni irregolari u kif se tiġi indirizzata din il-kwistjoni.