Kien il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, li waqt żjara uffiċjali f’Ateni ffirma l-ftehim flimkien mal-Ministru tal-Affariet Barranin Grieg, Nikos Dendias.
Waqt id-diskussjonijiet li kellhom bejniethom, iż-żewġ Ministri komplew jintensifikaw ukoll id-diskussjonijiet fis-settur tal-kummerċ, b’mod partikolari bejn start-ups u anki fis-setturi tal-Fintech u l-ikel.
Ġew diskussi wkoll fid-dettall ir-relazzjonijiet bilaterali u dawk multilaterali.
“Iffirmajna ftehim kif nistgħu naħdmu u nikkollaboraw flimkien fil-qasam tal-kultura u allura issa l-Ministeru tal-kollega Bonnici u t-tim tiegħu jaħdmu sabiex jimplimentaw u jaraw kif nistgħu nibbenefikaw minn dan il-ftehim. Fl-istess ħin tkellimna dwar sfidi u opportunitajiet oħrajn kemm fil-qasam tal-kummerċ, però wkoll l-Afrika ta’ Fuq u l-isfidi tal-immigrazzjoni irregolari.”
Waqt iż-żjara uffiċjali tiegħu fil-Greċja, il-Ministru Borg afferma l-appoġġ tal-gvern Malti għall-kandidatura Griega għal siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà fin-Nazzjonijiet Uniti għat-terminu 2025-2026. Bħalissa, Malta tokkupa wieħed mis-siġġijiet mhux permanenti, u f’dan il-kuntest malta qed tgħaddi lill-Greċja għarfien wara l-ewwel xhur tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà.
Il-Ministru Borg żar id-delegazzjoni fl-Ambaxxata Maltija fil-Greċja, immexxija mill-Ambaxxatur Joseph Cuschieri u rringrazzja lid-diplomatiċi kollha tax-xogħol importanti li jagħmlu b’risq pajjiżna.