Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu taħdidiet mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Estonja Eva Maria Liimets fiż-żjara li kellu f’Tallinn, il-belt kapitali tal-Estonja.
Fit-taħdidiet il-Ministri qablu dwar l-isfidi komuni bejn iż-żewġ pajjiżi, kif ukoll tkellmu dwar is-sitwazzjoni politika u ġeografika tal-pajjiżi u l-ibħra tal-madwar.
Fost il-punti li tqajmu kien hemm qbil li qawwiet kbar m’għandhomx jimponu lilhom nfushom fuq stati żgħar.
Barra minn hekk, kien hemm qbil ukoll dwar kollaborazzjoni bejn pajjiżna u l-Estonja f’oqsma differenti bħal fit-turiżmu, l-edukazzjoni, l-isports, is-saħħa, l-gastronomija, l-informazzjoni diġitali u l-kultura.
Il-Ministru Evarist Bartolo inawgura ukoll l-uffiċċji ġodda tal-konsulat Malti f’Talinn fl-għeluq it-tletin sena mit-twaqqif tar-relazzjonijiet pubbliċi bejn Malta u l-Estonja.
Fil-laqgħat kien innotat il-benefiċċju tat-titjiriet bejn iż-żewġ pajjiżi ta’ kull ġimgħa li qegħdin jiffaċilitaw l-ivvjaġġar u l-kollaborazzjoni bejn Malta u l-Estonja.
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Ministru Bartolo ltaqa’ ukoll maċ-Chairperson tal-Kumitat tal-Affarijiet Barranin tal-Parlament Estonjan, mal-Ministru tal-Edukazzjoni u r-Rettur tal-Università ta’ Tartu fost diplomatiċi oħra.