Bħala parti miż-żjara fl-Emirati Għarab Magħquda, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca indirizzat il-Malta-UAE Business Forum, organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ u l-Industrija ta’ Dubaj. Hawnhekk, il-President faħħret ir-relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom bejn Malta u l-UAE u enfasizzat dwar fatturi komuni li għandhom iż-żewġ pajjiżi bħala ċentri kummerċjali u marittimi għar-reġjuni rispettivi tagħhom.
Il-President Coleiro Preca qalet li l-pożizzjoni tal-Emirati Għarab Magħquda bħala hub tal-Lvant Nofsani u l-pożizzjoni ta’ Malta bħala hub ġeo-strateġiku fir-reġjun Ewro-Mediterran, huma perfetti biex Malta u l-UAE jkunu kollaboraturi ideali u mhux kompetituri. Dan iwassal biex jinħolqu sinerġiji effettivi.
“Bis-saħħa ta’ dawn is-sinerġiji, mhux biss se jibbenefikaw is-setturi kummerċjali u soċjali ta’ Malta u l-Emirati Għarab Magħquda iżda s-swieq tagħna wkoll se jkomplu jikbru fl-aħjar interess tal-popli tagħna. Dan hu l-mument opportun biex nimxu ’l quddiem biex b’hekk noħolqu prosperità inklussiva għall-popli tagħna”.
Il-President spjegat li ż-żjara tagħha fl-UAE kompliet tikkonvinċiha dwar il-ħtieġa li jinħolqu dawn is-sinerġiji u li ssir ħidma aktar mill-qrib ma’ dawk interessati fis-setturi pubbliċi u privati tal-UAE biex jiġu esplorati opportunitajiet ta’ negozju bilaterali.
Fl-aħħar nett, il-President Coleiro Preca pproponiet it-twaqqif ta’ Joint Technical Commissiondwar il-kummerċ biex b’hekk ikomplu jiġu esplorati u identifikati l-oqsma li fihom kemm Malta kif ukoll l-UAE jistgħu jikkollaboraw.
Il-President kellha taħdidiet bilaterali mal-Viċi Prim Ministru u mal-Ministru tal-Affarijiet Presidenzjali tal-Emirati Għarab Magħquda Sheikh Mansour bin Zayed Al Nahyan f’Abu Dhabi. Matul il-laqgħa, iż-żewġ naħat tkellmu dwar ir-rabtiet bilaterali bejn l-UAE u Malta u ddiskutew il-possibbiltajiet li jespandu l-koperazzjoni f’bosta setturi, inklużi r-rabtiet tan-negozju u l-investiment.