Il-Ministru responsabbli mill-Enerġija Miriam Dalli ltaqgħet mal-Ministru Eġizzjan għall-Elettriku u l-Enerġija Rinovabbli Mahmoud Esmat fejn iddiskutew numru ta’ setturi fosthom l-infrastruttura tad-distribuzzjoni.
Bħala żewġ pajjiżi fil-Mediterran, ftehmu li jaħdmu flimkien biex aktar pajjiżi tal-Mediterran jinvestu f’enerġija rinnovabbli biex isir ċentru ta’ enerġija nadifa.
Matul din iż-żjara ġew diskussa soluzzjonijiet innovattivi li jistgħu jgħinu biex is-sistema tal-elettriku tkun aktar reżiljenti anke quddiem ir-realtà tat-tibdil fil-klima, b’żidiet qawwija fit-temperaturi li ż-żewġ pajjiżi esperjenzaw.
Il-Ministru Dalli qalet “Il-prijorità ewlenija tagħna hija kif insaħħu l-koperazzjoni fejn jidħlu r-rinovabbli, fejn tidħol id-distribuzzjoni u aktar importanti minn hekk fejn jidħlu interkonnessjonijiet virtwali. Hekk kif l-Eġittu qed jara li jżid l-interkonnessjonijiet tiegħu mal-Ewropa u hemmhekk hemm potenzjal biex iż-żewġ pajjiżi jkomplu jiddiskutu flimkien.”
Fost dawn hemm proġetti ta’ interkonessjonijiet li Malta qed taħdem fuqhom biex tkompli ssaħħaħ l-konnessjonijiet tagħha mal-Italja u proġetti li l-Eġittu qed jaħdem fuqhom biex ikompli jsaħħaħ il-konnessjonijiet tiegħu mal-Ewropa.
Tul iż-żjara fl-Eġittu, il-Ministru Dalli żaret ukoll kumpaniji differenti fis-settur tal-enerġija li huma involuti fil-manifattura ta’ teknoloġiji innovattivi.