Malta u l-Eġittu ffirmaw ftehim għal koperazzjoni aktar b’saħħitha fl-oqsam tal-enerġija u l-elettriku. Il-ftehim ġie ffirmat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, u l-Ministru għall-Elettriku u l-Enerġija Rinnovabbli tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, Mohamed Hamed Shaker El-Markabi.
Dan il-ftehim jistabbilixxi l-possibilità ta’ koperazzjoni f’oqsma differenti bejn iż-żewġ pajjiżi, u l-bdil ta’ għarfien u kompetenza f’diversi aspetti – bħas-sorsi tal-enerġija, il-ġenerazzjoni tal-elettriku u d-diversifikazzjoni u s-sigurtà tal-provvista.
“Permezz ta’ dan il-ftehim, qegħdin naraw kif nikkoperaw iktar mal-Eġittu fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli u anki fejn tidħol enerġija nadifa, b’mod partikolari green hydrogen u anki fejn jidħlu interkonnessjonijiet fil-Mediterran. L-Eġittu huwa pajjiż li miegħu Malta taħdem tajjeb u rridu nkomplu nsaħħu din il-koperazzjoni li teżisti.”
Iż-żewġ pajjiżi se jesploraw il-possibilità ta’ kooperazzjoni fil-qasam tal-interkonnessjoni elettrika indiretta, anki fid-dawl tal-fatt li l-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ lill-istati membri biex jikkollaboraw ħalli jiksbu l-miri nazzjonali ogħla ta’ enerġija rinnovabbli.
Il-Ministru Dalli nnotat li din il-kooperazzjoni ġejja fost trasformazzjoni li qed isseħħ fis-settur tal-enerġija, b’potenzjal qawwi għar-reġjun tal-Mediterran, u rrimarkat li kooperazzjoni bħal din tista’ tgħin lill-pajjiżi rispettivi li jipprovdu soluzzjonijiet biex jindirizzaw l-isfidi marbuta mat-tibdil fil-klima.
F’dan ir-rigward, fost id-disa’ stati tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran, Malta qed tmexxi ’l quddiem l-inizjattiva li l-Mediterran jiżviluppa f’hub tal-enerġija ħadra, bl-ambizzjoni li jestendi lejn pajjiżi oħra tal-Mediterran.
Il-ftehim jirreferi wkoll għall-iskambju ta’ għarfien tekniku permezz ta’ inizjattivi edukattivi u programmi ta’ taħriġ.