Ġimgħa ’l bogħod mill-bidu tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, li se jsiru f’Malta, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ fil-Berġa ta’ Kastilja lill-kontiġent Malti li se jieħu sehem fid-19-il edizzjoni tal-Logħob.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern jemmen fl-atleti u investa b’mod rekord fil-faċilitajiet sportivi, li permezz tagħhom pajjiżna se jikseb l-aqwa riżultati. Investa wkoll fl-atleti nfushom.
Dr Abela qal li kull rokna ta’ pajjiżna, min-Nofsinhar sal-gżira Għawdxija, hija mogħnija b’faċilitajiet mill-aqwa.
“Investejna b’mod rekord, kemm fil-faċilitajiet imma wkoll fit-taħriġ tagħkom. Fit-taħriġ għaliex naf li la intom u lanqas il-pajjiż, ma nistgħux nikkuntentaw biss b’riżultati sodisfaċenti, imma rridu niksbu l-aqwa riżultati; riżultati li mbagħad se jkunu qed iservu ta’ ispirazzjoni għat-tfal kollha li se jgawdu fil-faċilitajiet li ħdimna fuqhom.”
Il-Prim Ministru awgura lit-tim Malti għall-aqwa riżultati f’dan il-Logħob. Qal lill-atleti li dan il-Logħob huwa biss il-bażi u għandhom jimmiraw għall-ġejjieni.
Huwa appella lill-Maltin u l-Għawdxin u appella lill-poplu Malti biex jappoġġja lit-tim Malti u jmur isegwih waqt il-Logħob.
“M’għandix dubju li se tmorru tajjeb ħafna, imma tqisux dawn il-logħob bħala l-punt tal-wasla. Ċerti riżultati, ċerti rekords – konvint li se nkunu qed nagħmlu ħafna rekords – dak kollu li se tiksbu flimkien fil-jiem li ġejjin, nemmen li għandhom ikunu l-bażi ta’ dak li jrid jiġi. Immiraw għal affarijiet li huma ikbar. Aħna se nkunu dejjem warajkom, nappoġġjawkom, u nagħtikom minn hawnhekk il-kelma tiegħi. Good luck u forza Malta! Awguri lil kulħadd.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello, qal li huwa fiduċjuż li l-investiment li sar fl-aħħar snin se jħalli l-frott.
Preżenti wkoll kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Isport, Clifton Grima, li nnota x-xogħol kollu li sar sabiex isir dan il-Logħob.
Qal li fl-aħħar snin sar ħemel ta’ xogħol li se jħalli legat ta’ faċilitajiet sportivi moderni, biex jintużaw mill-atleti Maltin.
Din hija t-tielet darba li pajjiżna se jospita dan il-Logħob, wara l-edizzjonijiet tal-1993 u l-2003.
Tul dan il-Logħob f’pajjiżna, bejn id-29 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju, se jieħdu sehem madwar 1,000 atleta minn disa’ pajjiżi minn madwar l-Ewropa.
It-tim Malti jikkonsisti minn 214-il atleta minn għaxar dixxiplini differenti.
Fl-aħħar ta’ din iċ-ċerimonja, il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta l-bandiera Maltija li se tinġarr waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ, lill-atleta Matthew Galea Soler. Fil-logħob, il-bandiera se tinġarr ukoll minn Elaine Genovese.