Malta u Franza qed iħarsu lejn l-istess prioritajiet u tul il-Presidenza Maltija se jaħdmu id f’id biex dawn il-prioritajiet ikunu indrizzati.
Dan hu l-ħsieb tas-Segretarju tal-Istat Franċiż għall-Affarijiet Ewropej, Harlem Désir li ħareġ f’konferenza tal-aħbarijiet mad-Deputat Prim Ministru Malti, Louis Grech, f’pajjizna.
Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech innota li ż-żewġ pajjiżi għandhom relazzjonijiet bilaterali eċċellenti – kemm mill-aspett ekonomiku, kulturali u politiku. Barra minn hekk huma qablu fuq il-kwistjonijiet relatati mal-Presidenza, anke fid-dawl ta’ sfidi bħall-immigrazzjoni, il-Brexit, id-deċiżjonijiet ekonomiċi u l-elezzjonijiet fi Franza u l-Ġermanja.
Propju dwar l-elezzjoni Presidenzjali Franċiża, fuq mistoqsija ta’ ONE News, Désir innota l-popolarità tal-kandidata tal-lemin estrem Marine LePen.
Hu tenna li minkejja dan, Franza temmen fil-proġett Ewropew u se taħdem fuq il-priorità li pajjiżna poġġa fuq quddiem, jiġifieri li ċ-ċittadini jiksbu mill-ġdid il-fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej.