L-iżviluppi riċenti li seħħew fil-Mediterran u s-sitwazzjoni fil-Libja kienu fuq nett tal-aġenda f’laqgħa li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo kellu mas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ewropej għal Franza Clément Beaune.
It-taħditiet iffokaw ukoll fuq il-ħidma tal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li jmiss, biż-żewġ Ministri jenfasizzaw l-importanza tas-Summit Unjoni Ewropea-Afrika li se jsir fi Frar li ġej.
Iż-żewġ naħat qablu li s-sħubija mal-pajjiżi Afrikani dwar l-iżvilupp u l- opportunitajiet ekonomiċi hija importanti.
Hawn issemmiet il-Libja u l-bżonn li l-Ewropa taħdem ma’ dan il-pajjiż li se jkollu elezzjonijiet għal Gvern ġdid, aktar tard dan ix-xahar.
Il-Ministru Evarist Bartolo enfasizza fuq il-bżonn li pajjiżna ikollu għajnuna mill-Unjoni Ewropea, f’dak li għandu x’ jaqsam ma provistà ta’ mediċina tajba, wara l-impatt ta’ Brexit.
Il-Ministru Bartolo tkellem dwar il-ħtieġa li jkun hemm kordinazzjoni strateġika bejn l-istati membri dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.
Qal, “Il-bżonn li jieħdu bis-serjetà, l-għajnuna u solidarjetà li irridu ittuna fuq il-kwistjoni tal-immigranti, u li meta nitkellmu fuq il-futur tal-Ewropa, huwa importanti li anke pajjiżi żgħar bħalna jibqa’ jkollhom sehem importanti ħafna fit-teħid ta’ deċiżjonijiet”.
Min-naħa tiegħu, s-Segretarju Franċiż għall-Affarjiet Ewropej spjega li huwa importanti li ż-żewġ pajjiżi jaħdmu id f’id biex jegħlbu sfidi kbar li qed taffaċċja l-Ewropa.
Spjega, “To fight social dumping. On migration, on European defence and security, and in relation to our Mediterranean partners, and African countries, to work very closely with Malta solving and tyring to address this crisis as we see now in Libya.”
Għal din il-laqgħa attenda ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.
Intant il-Prim Ministru Malti Robert Abela ltaqa’ ukoll mas-Segretarju Franċiż f’laqgħa ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja.