Il-prijoritajiet tal-Presidenza Ewropea li se tmexxi Malta sa mill-ewwel ta’ Jannar ġew diskussa wkoll mal-Prim Ministru Daniż Lars Lokke Rasmussen waqt laqgħa f’Kopenħagen mal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Prim Ministru Muscat fisser lill-Prim Ministru Rasmussen bħala interlokatur effettiv li għandu influwenza fuq il-kwistjonijiet l-aktar importanti għall-Iskandinavja. Huwa qal li hu sinifikanti kif żewġ pajjiżi ġeografikament f’reġjuni differenti bħal Malta u d-Danimarka għandhom ħafna pożizzjonijiet komuni inkluż fuq temi li se jitpoġġew fuq nett tal-aġenda hekk kif Malta tieħdu f’idejha t-tmexxija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru tad-Danimarka esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din iż-żjara tal-Prim Ministru Muscat u fisser dawn it-taħditiet lejliet il-Presidenza Ewropea bħala siewja ħafna. Huwa qal li qed iħares ‘il quddiem għal koperazzjoni qawwija ma’ Malta fis-sitt xhur tas-sena l-ġdida. Sostna wkoll li hemm bżonn Unjoni Ewropea b’saħħitha biex jiġu indirizzati l-prioritajiet importanti li fasslet Malta, fosthom dwar l-isfida tal-immigrazzjoni.
Minn Kopenħagen, il-Prim Ministru Joseph Muscat mar f’Budapest fejn aktar tard illum se jiltaqa’ mal-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban.