Il-Gvernijiet ta’ Malta u taċ-Ċina ffirmaw ftehim li permezz tiegħu, se jkun jista’ jiġi esportat it-tonn prodott lokalment.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej Ian Borg, u l-Viċi President għas-Sanità fiċ-Ċina.
Dan se jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-produtturi lokali tal-Akwakultura tat-Tonn biex flimkien mal-Ġappun u l-Korea ta’ Isfel, issa jibdew jesportaw lejn iċ-Ċina wkoll, f’suq li jiġbor fi ħdanu popolazzjoni ta’ aktar minn biljun u erba’ mitt miljun persuna.
Dan il-ftehim ġie ffirmat wara aktar minn sentejn ta’ xogħol biex il-prodott Malti seta’ jiġi aċċettat għall-importazzjoni fiċ-Ċina, u huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu għal Malta.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Maltija għall-Prodotti tal-Akwakultura, Charlon Gouder esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-ħidma li saret biex seta’ jintlaħaq dan il-ftehim.
Qal, “Nixtieq nirringrazzja lill-Gvern Malti tas-sapport kbir li ta biex inkunu nistgħu naslu sa dan il-punt imma aktar minn kollox, dan il-punt, li huwa l-bidu ta’ ħafna aktar xogħol, juri kemm il-prodott lokali huwa prodott mhux biss bnin u tajjeb imma wkoll ta’ kwalità għolja li jħabbatha mal-aqwa prodotti fuq sfera internazzjonali.”
Skont ċifri uffiċjali, f’sena waħda, fl-elfejn u wieħed u għoxrin, Malta biegħet aktar minn sittax-il elf tunnellata ta’ ħut, b’valur ta’ mitejn u għaxar miljun ewro, li ħamsa u disgħin fil-mija tiegħu ġie esportat lejn il-Ġappun.