Malta hi rinomata sew fl-industrija tar-residenza u taċ-ċittadinanza b’investiment. F’qasir żmien irnexxielha tistabbilixxi ruħha bħala l-aqwa awtorità fis-settur tal-migrazzjoni b’investiment. Fl-indirizz tagħha fil-ftuħ tat-tnax-il edizzjoni tal-Global Residence & Citizenship Conference organizzata minn Henley & Partners f’Dubai, is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli spjegat li Malta kienet proattiva u determinata fil-ħin opportun biex toħloq żewġ programmi li llum il-ġurnata kisbu tant suċċess.
Intqal ħafna dwar il-benefiċċji ekonomiċi li l-industrija tar-RCBI ħalliet fuq Malta, iżda din ma kattritx sempliċiment lill-ekonomija lokali; attirat kapital uman waqt li żewqet il-wirt kulturali tal-gżejjer tagħna.
Julia Farrugia Portelli spjegat li l-ġimgħat li ġejjin se jkunu kruċjali għall-industrija tar-RCBI. Madanakollu, Malta ċerta li din se tibqa’ tiffjorixxi u tipprovdi opportunitajiet ġodda, kemm lill-familji ġodda biex igawdu ħajja aħjar f’pajjiż aktar stabbli kif ukoll lill-intraprendituri ta’ suċċess biex ikomplu jespandu n-negozji tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari mexxiet delegazzjoni ta’ rappreżentanti mill-Aġenzija għall-Programm tal-Investitur Individwali ta’ Malta (MIIPA) u l-Aġenzija għar-Residenza u l-Viża ta’ Malta (MRVA) li ħadet sehem f’numru ta’ workshops waqt l-istess konferenza. Preżenti f’Dubai kien hemm ukoll rappreżentanti ta’ kumpaniji fl-industrija u rappreżentanti mill-Malta Enterprise li ħadu l-opportunità biex jippromwovu l-fatturi kollha li Malta għandha fis-seħħ biex tattira u tiġbed aktar familji u intraprendituri ta’ suċċess lejn xtutna.
Ritratti (OPM_PS)