Malta waqfet l-iffinanzjar tal-operazzjoni Ewropea Irini fi sfond li l-Unjoni Ewropea mhux turi solidarjetà ma’ pajjiżna dwar l-immigrazzjoni.
Din l-operazzjoni navali hija waħda li tinforza ordni biex ma jitqassmux armi lejn il-Libja.
Pajjiżna ħa żewġ deċiżjonijiet importanti b’rabta ma’ dan.
Il-Gvern Malti informa lill-Unjoni Ewropea li qed jissospendi r-riżorsi f’din l-operazzjoni fosthom is-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta.
F’kuntest li s-suldati ta’ pajjiżna qed jaħdmu u jinsabu ffukati fuq l-emerġenza tas-saħħa pubblika tal-COVID-19 u b’ħidma biex jipproteġu l-fruntieri, Malta waqfet milli tibgħat is-suldati tagħha biex jagħtu sehemhom f’din l-operazzjoni Ewropea.
It-tieni deċiżjoni hija li fuq il-mejda mal-Unjoni Ewropea, Malta ma kkommetitx ruħha dwar il-finanzjament Ewropew għal din l-operazzjoni.
B’hekk effettivament, Malta qed tuża l-veto biex twaqqaf il-finanzjament għal din l-operazzjoni fi sfond li pajjiżna għadu qed jistenna soluzzjoni Ewropea għar-rilokazzjoni ta’ immigranti.
Skont ċifri tal-aġenzija Frontex, fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, f’nofs il-Mediterran kien hemm żieda t’aktar minn 400% fl-immigrazzjoni rregolari.