Malta qed tuża mid-dożi kollha tal-vaċċin ta’ Pfizer u BioNTech kontra l-COVID-19 li għandha disponibbli.
Dan skont informazzjoni ppubblikata mis-sit awtorevoli Politico, li wriet ukoll li Malta u l-Litwanja qegħdin fuq quddiem nett mill-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea li qegħdin jagħmlu użu mid-dożi li nxtraw.
F’bosta stati membri jidher li t-tilqim qed jiġi amministrat bil-mod, minkejja li għandhom biżżejjed dożi.
L-istatistika wriet biċ-ċar li bosta membri stati m’għamlux użu sew mit-tilqim li għandhom disponibbli għalihom, u waqt li xi dozi tħażnu, il-Politico jgħid li l-ammont kbir ta’ tilqim li għadu ma ntużax jissuġġerixxi li f’ċerti pajjiżi hemm bosta dożi mitluqa
Minkejja li t-tilqima ta’ Pfizer u BioNTech qed tiġi wżata b’rata aktar mgħaġġla, bosta pajjiżu mhumiex jużaw id-dożi kollha tat-tilqim ta’ Oxford u AstraZeneca.
Informazzjoni riċenti turi wkoll li sas-sebgħa ta’ Marzu, fil-Belġju, fl-Ungerija, fl-Olanda u fl-iSlovenja, inqas minn terz tad-dożi tal-AstraZeneca li ngħataw ġew amministrati liċ-ċittadini.
Intant, ma’ Euronews, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne stqarr li x-xiri konġunt tat-tilqim kien ħafna aħjar minn dak li kien qed jiġi propost għaliex kieku, pajjiżi Ewropej bħalissa qed jikkompetu għall-aċċess għall-vaċċin. Hawn issemma kif Malta għandha waħda mill-aħjar rati ta’ tilqim, fejn madwar għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni diġà rċivew l-ewwel doża.
EuroNews rrefera wkoll għall-ħin qasir ta’ stennija minn meta d-dożi tal-vaċċin jaslu f’pajjiżna u jibdew jingħataw liċ-ċittadini.
Id-Deputat Prim Ministru sostna li l-Gvern kien iddeċieda li mhux biss jordna ammont ta’ dożi li kellu bżonn il-pajjiż, iżda ordna wkoll dożi addizjonali li kienu disponibbli mill-Kummissjoni Ewropa.