Il-President Myriam Spiteri Debono indirizzat is-Summit Defence and Security Strategy of Unity: Action Plan, li sar fit-tielet anniversarju mill-bidu tal-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna.
F’din l-okkażjoni, il-President enfasizzat il-bżonn li l-gwerra tintemm mill-iktar fis possibbli, u li tinstab paċi ġusta u dejjiema bi ftehim li jirrispetta l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-liġi internazzjonali. Hi faħħret ukoll lill-Ukranja talli żammet sod, u wriet kuraġġ u reżiljenza.
Il-President saħqet dwar il-ħtieġa li l-Ukranja u l-Unjoni Ewropea jkunu parti integrali madwar il-mejda tan-negozjati. Hi appellat sabiex il-pajjiżi kollha involuti jaħdmu għall-istess għan favur paċi dejjiema u enfasizzat li l-Ukrajna bl-ebda mod m’għandha tiġi mwarrba.
Il-President Spiteri Debono fakkret li Malta dejjem kienet konsistenti favur ir-rispett tal-indipendenza, is-sovranità, is-sigurtà, u l-integrità territorjali tal-Ukrajna skont il-liġijiet internazzjonali.
Hi fakkret ukoll fl-ammont kbir ta’ vittmi li ħalla dan il-kunflitt, fosthom dawk l-iktar vulnerabbli — in-nisa, it-tfal u l-anzjani.
F’dan is-Summit ipparteċipaw l-ogħla awtoritajiet Ewropej, fosthom it-tmexxija tal-Kunsill tal-Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea, u l-Parlament Ewropew, kif ukoll mexxejja oħra tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, pajjiżi oħra alleati, u istituzzjonijiet Ewropej u internazzjonali.