Illum wara nofsinhar il-Ministru Malti għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo kellu telefonata mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Awtorità Palestinjana, Riyad al-Maliki.
Matulha iddiskutew il-kunflitt imdemmi bejn il-qawwiet Iżraeljani u l-Palestinjani.
Iż-żewġ partijiet sostnew li għandu jieqaf il-ġlied u b’hekk jieqaf il-qtil ta’ tant nies innoċenti, fosthom tfal.
Malta u l-Awtorità Palestinjana qablu li biex tinstab soluzzjoni, il-Palestinjani jridu jkunu involuti u jitħares id-dritt tal-Palestinjani li jgħixu fi djarhom fil-Lvant ta’ Ġerusalemm.
Il-Ministru Evarist Bartolo tenna l-pożizzjoni ta’ Malta għal-Lvant Nofsani, jiġifieri s-soluzzjoni taż-żewġ stati fejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani jgħixu ħdejn xulxin fis-sigurtà u l-paċi.
Il-Ministru Bartolo appella biex jieqfu l-attakki miż-żewġ naħat kontra xulxin u fi stqarrija qal li jinsab f’kuntatt mal-Ambaxxatur Malti f’Tel Aviv u r-Rappreżentant Malti f’Ramallah, biex il-Maltin li jgħixu fl-inħawi jkunu mħarsa.