Malta tejbet il-punteġġ tagħha fid-Democracy Index ta’ The Economist għall-2018. Dan wassal biex Malta baqgħet fost minoranza ta’ pajjiżi, għoxrin, li huma meqjusa bħala demokrazija sħiħa. 4.5% biss tal-popolazzjoni madwar id-dinja hija meqjusa li tgħix f’pajjiżi “full democracy.”
Malta kisbet punteġġ totali ta’ 8.21. Titjib fuq it-8.15 tas-sena li għaddiet.
Malta kisbet punteġġ ta’ 9.17 għal dak li hu proċess elettorali u 8.82 għal dawk li huma drittijiet ċivili. Il-kultura politika, 8.75, u l-mod kif jaħdem il-gvern, 8.21, ukoll kisbu punteġġ b’saħħtu.
Intant il-Partit Laburista nnota wkoll li dan l-indiċi huwa sinjal ċar ieħor ta’ fejn għad irridu ntejbu, bl-inqas punteġġ ikun il-parteċipazzjoni politika. B’punteġġ ta’ 6.11 dan hu s-settur fejn Malta kisbet l-inqas punti.
Il-PL qal kif din hu konferma oħra dwar kemm hi bżonnjuża r-riforma politika li żżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika. Riforma li tista’ twassal biex mill-għaxar pajjiż fl-Unjoni Ewropea pajjiżna jitla’ fost ta’ fuq nett ukoll f’dan l-indiċi. Riforma li għandha titwettaq din is-sena biex Malta tkompli ssaħħaħ id-demokrazija tagħha grazzi għall-bidliet li qed iġib gvern Laburista.