Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li huma bosta l-kumpanija Indjani li għal raġunijiet storiċi bbażaw f’Londra u qegħdin jaraw f’Malta bażi Ewropea minn fejn joperaw.
Dr Muscat qal dan waqt li kien qed jindirizza summit f’Gurajant, l-Indja.F’kummenti lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li waħda min-niċeċ li l-Brexit Taskforce ta’ Malta identifikat hija l-possibiltà li dawn il-kumpaniji jridu bażi ġdida f’pajjiż Ewropew.
Il-Prim Minstru Muscat semma kumpaniji Indjani li diġà qed joperaw minn pajjiżna, bħall-Aurobindo, li tispeċċjalizza fil-qasam farmaċewtiku, u l-kumpanija Steamcast, li mal-Enemalta investiet f’Ċentru Globali għad-Data li jinsab fil-post fejn qabel kien hemm il-power station tal-Marsa.
Is-summit bit-tema “Vibrant Gurajant Summit 2019”, ra lill-Prim Ministru jindirizza wkoll ħidmet Malta fis-settur tal-blockchain, fejn fakkar li Malta kienet l-ewwel pajjiż fid-dinja li lleġislat favur din it-teknoloġija. Żied li Malta issa tħaddan teknoloġiji ġodda bħall-Intelliġenza Artifiċjali.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li għaddejjin diskussjonijiet biex l-Air Malta tibda ttir lejn bliet fl-Indja li mhux meqjusa ‘ewlenin’. Madankollu fihom jgħixu aktar minn erba’ miljun ruħ bħal dik li kien jinsab fiha ta’ Aħmedabad.
Qal li dawn it-titjiriet jistgħu jkunu kompetittivi għax inaqqsu l-iskariġġ ta’ Indjani li jgħixu f’dawn l-ibliet u jridu jivvjaġġaw lejn id-destinazzjoni aħħarija tagħhom.
Tul iż-żjara tiegħu fl-Indja, il-Prim Ministru Muscat kellu laqgħa bilaterali mal-Prim Ministru tal-Indja Narendra Modi li matulha ddiskutew bosta temi fosthom is-settur tal-innovzzjoni u l-qasam tal-teknoloġija tal-informattika u l-possibbiltà ta’ koperazzjoni fil-qasam tal-blockchain.
Aktar tard matul il-jum, Dr Muscat iltaqa’ wkoll mal-Ministru għall-Istat ta’ Gurajat, Vijay Rupani, fejn iddiskuta l-possibilità ta’ kooperazzjoni bejn Malta u dan l-Istat fl-Indja fis-settur tal-farmaċewtika fost oħrajn.