“Malta tixtieq li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali tagħha mar-Renju Unit, dan sabiex niżguraw li ċ-ċittadini tagħna u l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jissaħħu”.
Sostna dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt laqgħa bilaterali li kellu mal-Ministru Ingliż għall-Ewropa u l-Amerka ta’ Fuq James Clevelry.
Matul din il-laqgħa l-Ministru Borg spjega kif Malta hija impenjata li tkompli tagħmel ir-riformi neċessarji fil-pajjiż u spjega anke l-progess sinifikanti li pajjiżna għamel fejn tidħol is-saltna tad-dritt.
Huwa spjega wkoll kif għaddejja ħidma qawwija biex fl-inqas żmien possibbli Malta wkoll toħroġ mil-lista l-griża tal-FATF, dan wara li l-istess FATF innutat il-ħidma effettiva u sinifikanti li wettqet f’dan iż-żmien qasir.
Qal, “Ovjament tkellimna fuq qgħada tal-Ukrajna, il-werra li qed tesperjenza l-Ukrajna mill-invażjoni Russa, kif ukoll anke l-pożizzjoni Ewropea dwar li jkun irrispettat it-trattat tal-ħruġ u allura anke l-ftehim mal-Irlanda ta’ Fuq.”
Fil-fatt, filwaqt li l-Ministru Clevelry awgura kull suċċess lill-Ministru Borg fil-kariga l-ġdida tiegħu, huwa sostna li jħares ’il quddiem biex iż-żewġ pajjiżi jidħlu wkoll f’diskussjonijiet tekniċi biex anke fid-dawl tal-ftehim tal-irtirar mill-Unjoni Ewropea, xorta waħda l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi jiqba’ wieħed b’saħħtu.
Il-Ministru Cleverly tenna li l-Gvern Ingliż għandu l-għan li jkompli wkoll joffri numru ta’ riżorsi lil Malta f’setturi speċjalizzati.
Il-Ministru Borg kien akkumpanjat mill-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit Dr Emmanuel Mallia.
Waqt li kien fir-Renju Unit, il-Ministru Ian Borg kellu wkoll laqgħa mas-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali Kitack Lim.
Matul il-laqgħa tkellmu fuq l-impenn ta’ pajjiżna fuq l-aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti fir-rigward tas-Sustainable Development Goals, kif ukoll dwar l-impenn tagħna fis-settur marittimu.